Il-Papa Franġisku jaħsibha jirriżenjax f’każ li tonqos saħħtu

F’każ li l-Papa Franġisku jasal f’punt fejn saħħtu ma tħalliex iwettaq il-Ministeru tiegħu, jikkunsidra jagħmilx bħal Papa Emeritu Benedittu XVI, jiġifieri jirriżenjax jew le.
Mistoqsi minn ġurnalist waqt it-titjira lura mill-Art Imqaddsa, il-Papa Franġisku qal li llum il-ġurnata l-bniedem qed jgħix ħafna iżjed u għalhekk, sostna li meta Isqof ta’ Ruma u l-Papa, jħoss li saħħtu qed tonqsu, għandu jagħmel l-istess mistoqsijiet li għamel il-Papa Benedittu.
Sostna li daqs 70 sena ilu kważi ma kienx hawn isqfijiet emeriti u issa hawn ħafna. 
Il-Papa Franġisku saħaq li hu se jagħmel dak li jitlob minnu l-Mulej iżda jemmen li Benedittu XVI mhux se jkun l-uniku Papa li rriżenja. Qal li Benedittu “fetaħ bieb, il-bieb tal-Papiet emeriti.”
Iddeskriva lil Benedittu XVI bħala bniedem ta’ fidi, umli u b’onestà kbira ħa d-deċiżjoni li jċedi t-tmexxija tal-Knisja.