Il-Papa Franġisku jaħdem fuq enċiklika ġdida dwar il-faqar

Ftit xhur wara li kienet ippublikata l-enċiklika “Id-Dawl tal-Fidi,” l-Papa Franġisku qed jaħdem fuq enċiklika oħra li x’aktarx l-isem tagħha se jkun “Imberkin il-foqra.” Kien Isqof Taljan li ħabbar fuq is-sit tad-djoċesi tiegħu li l-Papa Franġisku qed jaħdem fuq enċiklika ġdida.

Il-Kardinal Malti Prospero Grech, waqt intervista fuq is-sit “Catholic News Agency,” spjega x’se jkun il-kontenut ta’ din l-enċiklika.

Huwa qal li biex illum tfisser x’inhu l-faqar mhux faċli, imma din l-enċiklika għandha tgħin lill-ordnijiet reliġjużi biex ifissru l-faqar u fuq kollox kif għandhom jgħixu dan il-vot fis-soċjeta’ ta’ madwarhom.

Prospero Grech spjega li d-definizzjoni tal-faqar tinbidel skont fejn wieħed jgħix. Qal li l-faqar fl-Afrika jfisser ħaġa u l-faqar fl-Amerika u fl-Ewropa għandu tifsira differenti. Huwa żied jgħid li n-nuqqas ta’ propjeta’ privata huwa wieħed mill-kawżi tal-faqar.

Il-Kardinal Grech temm li minn din l-enċiklika mhux se jgawdu biss is-saċerdoti u r-reliġjużi, imma anke l-lajċi, għax fi kliemu kollha kemm aħna qed ngħixu f’soċjeta’ sekularizzata.

F’Marzu li għadda l-Kardinal Malti mexxa l-meditazzjoni ta’ waqt il-konklavi u l-Papa Franġisku filwaqt li rringrazjah għall-kelma tiegħu, ċċajta miegħu għax fi kliem Franġisku, l-Kardinali għażluh wara li semgħu l-meditazzjoni ta’ Grech.

Intant ħafna kienu qed jistennew li l-Papa Franġisku joħroġ enċiklika li titkellem dwar il-faqar dan minħabba l-istil ta’ ħajja sempliċi li jgħix, mhux biss issa li sar Papa, imma anke qabel meta kien Arċisqof ta’ Buenos Aires.