Tweet tal-Papa tqanqal kontroversja kiesħa daqs is-silġ!

Tweet li l-Papa Franġisku għamel nhar is-Sibt li għadda qajjem polemika sħiħa. Il-Papa kiteb fuq Twitter li “n-Nisrani jaf jagħti. Ħajtu hi mimlija b’atti ta’ ġenerożità – ħafna drabi ma jidhrux – b’risq il-proxxmu”.
Uħud interpretawha li l-messaġġ tal-Papa huwa indirizzat għall-isfida tal-Ice Bucket wara li l-kantanta Shakira nnominatu biex jieħu sehem fiha. Dan minkejja li l-Papa m'għamel ebda referenza għall-ALS.
Il-prinċipju nisrani tal-karità bil-moħbi, kien it-tema li l-Papa għażel għar-riflessjoni li ta’ spiss jagħmel fuq Twitter u mill-ewwel qajmet diskussjoni dwar l-isfida tal-ilma bis-silġ.
Filwaqt li kien hemm ħafna li qablu mal-Papa dwar x’suppost għandu jagħmel kull nisrani, kien hemm oħrajn li ma qablux mal-Papa u ddeskrivew lil uħud mill-Insara bħala ipokriti, egoisti u moħħhom biss biex jimlew il-knejjes bid-dehebijiet.