Filmat: Il-Papa Franġisku jagħlaq 81 sena

Illum, il-Papa Franġisku qed jiċċelebra għeluq sninu.
Il-Papa, li seraq qalb ħafna bil-kariżma u s-sempliċità tiegħu, illum qed jagħlaq 81 sena.
Jorge Mario Bergoglio twieled f’Beunos Aires fl-1936.
Qabel daħal is-seminarju, Bergoglio kien jistudja bħala kimiku u fl-1958 beda n-novizjat mal-Ġiżwiti.
Huwa kien jgħallem il-letteratura u l-psikoloġija f’għadd ta’ kulleġġi.
Jorge Mario Bergoglio ġie ordnat saċerdot f’Diċembru tal-1969 u kien anke provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Arġentina.
F’Mejju tal-1992, huwa ġie ordnat Isqof u serva bħala awżiljarju f’Buenos Aires.
Fi Frar tal-1998 huwa sar l-Arċisqof tal-istess Arċidjoċesi u tliet snin wara, fi Frar tal-2001, il-Papa Ġwanni Pawlu II għażlu bħala Kardinal.
Jingħad li fil-konklavi li fih ġie elett il-Papa Benedittu XVI, Bergoglio kien ġab it-tieni l-akbar ammont ta’ voti.
F’Marzu tal-2013, fl-età ta’ 76 sena, Jorge Bergoglio kien magħżul bħala l-266 suċċessur ta’ San Pietru.
Huwa ħa l-isem ta’ Franġisku, wara l-qaddis ta’ Assisi.
Fuq is-sit Laikos, tista’ ssib bil-Malti l-biċċa l-kbira ta’ diskorsi u kitbiet tal-Papa Franġisku, inkluż ukoll Enċiklici u Eżortazzjonijiet Appostoliċi.