Il-Papa Franġisku: “Il-Knisja trid tkun minn tal-ewwel li tiddefendi lid-dgħajjef”

Il-Kardinal Antonio Maria Vegliò qal fuq ir-radju tal-Vatikan kif f’laqgħa li kellu llum ma’ Papa Franġisku, il-Mexxej tal-Knisja Kattolika qal li l-Knisja trid tkun minn tal-ewwel li tiddefendi lid-dgħajjef.
Il-Kardinal Vegliò, li hu l-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastolari tal-Migranti, qal li “Il-Knisja trid tgħin lil dawk li l-iktar għandhom bżonn l-għajnuna għax id-drittijiet tagħhom mhux qed ikunu rrispettati.”
Il-Kardinal u l-Papa ltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li qed jaħarbu mill-vjolenza Iżlamista tal-Iraq. Fi kliem il-Kardinal, l-Istat Iżlamiku, li bħalissa qed jikkontrolla partijiet kbar tas-Sirja u l-Iraq, wettaq “kampanja ta’ terrur” speċjalment kontra minoritajiet reliġjużi, fosthom Kristjani.
Fuq ir-radju, il- Kardinal Vegliò żied jgħid li l-Knisja qiegħda hemm għall-fqir u għal min m’għandux vuċi u sostna li hemm bżonn tkun preżenti u ma tgħajja qatt tgħid affarijiet bħal dawn f’omeliji u f’diskorsi. Żied jgħid li jekk possibbli għandha anke tipprova tinfluenza sitwazzjonijiet politiċi.