Il-Papa Franġisku għat-Turkija bejn it-28 u t-30 ta’ Novembru

Bejn it-28 u t-30 ta’ Novembru li ġej il-Papa Franġisku se jagħmel żjara appostolika f’Ankara u f’Istanbul.
Il-kelliem għas-Santa Sede, Padre Federico Lombardi qal li l-Papa laqa’ l-istedina tal-President tar-Repubblika Torka Recep Tayyip Erdogan, tal-Patrijarka Ortodoss Ekumeniku Bartilmew I u tal-President tal-Konferenza Episkopali.
Fit-Turkija l-Papa se jieħu sehem ukoll fil-festa ta’ Sant Andrija, il-patrun tal-Knisja ta’ Kostantinopli.
Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-kardinal Pietro Parolin qal li l-għan ta’ dan il-vjaġġ hu li apparti jerġa’ jiltaqa’ mal-Patrijarka Ekumeniku, il-Papa Franġisku jkun jista’ wkoll jiltaqa’ mal-komunità kattolika fit-Turkija u anke mal-awtoritajiet.
F’Ankara, il-Papa se jiltaqa’ mal-għola awtoritajiet Torok waqt li f’Istanbul se jżur il-Moskea Sultan Ahmet, se jqaddes fil-katidral Kattoliku ddedikat lill-Ispirtu s-Santu kif ukoll se jiltob fil-knisja patrijarkali ta’ San Ġorġ u jiltaqa’ wkoll mal-Patrijarka Ortodoss.
Għall-Papa Franġisku dan se jkun il-ħames vjaġġ internazzjonali wara l-Brażil fl-2013, l-Art Imqaddsa fir-rebbiegħa li għaddiet, il-Korea ta’ Isfel f’Awwissu li għadda u l-Albanija f’Settembru.