Il-Papa Franġisku għall-Kungress tal-Familji fl-Irlanda fl-2018

Il-Papa Franġisku mistenni jattendi għall-Kungress Mondjali tal-Familji li se jsir f’Dublin l-Irlanda bejn il-21 u s-26 ta’ Awwissu 2018. L-iskop tal-Kungress hu li jilqa’ lil dawk li “ma rnexxielhomx jgħixu t-tagħlim tal-Knisja”. 
F’ittra, il-Papa qal li l-Kungress Mondjali tal-Familji se jiffoka fuq it-tagħlim tiegħu dwar il-familja, miġbur f’Amoris Laetitia, b’attenzjoni speċjali fuq it-tema tal-imħabba u l-ħniena.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ruma, l-Arċisqof ta’ Dublin, Diarmuid Martin, enfasizza l-importanza li nifhmu l-pressjoni kontinwa fuq il-familji tal-lum. “ Il-Knisja trid tkun post fejn dawk li fallew mhux ikunu ġudikati b’mod aħrax imma jesperjenzaw it-tgħannieq qawwija ta’ Kristu li terfgħu mill-ġdid biex iwettaq il-ħolma tiegħu anke jekk mhux b’mod perfett,” spjega l-Kardinal.
Żied jgħid li l-akbar theddida għall-familji m’hix l-ideoloġija u r-realtajiet prattiċi bħalma huma l-pressjoni finanzjarja, iljieli mħarbta bil-ħsibijiet tat-tfal żgħażagħ u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-pjaċir. F’dawk il-familji li ma rnexxielhomx jgħixu l-ideal tal-familja hemm elementi pożittivi li juru li dawn huma fi tfittxija għal xi ħaġa aktar profonda.
Min-naħa tiegħu il-Kardinal Farell li jmexxi l-Uffiċċju tal-Familja fil-Vatikan li l-laqgħa ta’ Dublin se tkun dwar it-tagħlim tal-Knisja li ż-żwieġ għandu jkun bejn mara u raġel imma se tkun konxja wkoll tat-tibdiliet soċjali kbar li qed iħallu effett fuq il-ħajja tal-familja.
Enfasizza li l-Amoris Laetitia hi dokument wiesgħa u mhux sempliċiment dokument biex iħalli lill-kattoliċi divorzjati jew mifruda, jirċievu s-sagrament tat-tqarbin: dan sar suġġett jaħraq u dibattibbli li wassal għall-kritika bil-miftuħ mill-Karidnali lill-Papa.