Il-Papa Franġisku għalaq 50 sena saċerdot

L-ewwel quddiesa tal-Papa Franġisku wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu

Fit-13 ta’ Diċembru 1969, eżatt bħall-bieraħ 50 sena ilu u erbat ijiem biss qabel għalaċ 33 sena, Jorge Mario Bergoglio, kien ordnat saċerdot. Iżda l-vokazzjoni, is-sejħa għas-saċerdozju tmur lura għall-21 ta’ Settembru 1953, festa ta’ San Matew meta waqt li kien qed iqerr iż-żagħżugħ kellu esperjenza kbira tal-ħniena t’Alla.

F’din l-okkażżjoni, l-aġenzija Vatican News ippublikat xi riflessjonijiet tal-Papa Franġisku nnifsu dwar is-saċerdozju.

Il-Ħniena Divina ikkaratterizzat il-ħajja saċerdotali tiegħu. Hu jgħid li l-qassis jitlaq kollox biex jidħol fil-ħajja tal-komunità, jagħti ħajtu għal ħaddieħor, jiġri u jgħin, bħal Kristu meta jara n-nies għajjiena jew bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.

Meta fis-6 ta’ Marzu 2014 kellem lill-qassisin f’Ruma il-Papa kien qal: Bħar-Ragħaj it-Tajjeb, il-qassis hu bniedem ta’ ħniena u kumpassjoni, qrib in-nies tiegħu u qaddej ta’ kulħadd. Kulmin iħossu b’xi mod ferut, fil-qassis isib attenzjoni u simpatija. Il-feriti jridu jiddewwew. Aħna l-qassisin iridu nkunu hemm, qrib in-nies. Il-ħniena tfisser li nfejjqu l-feriti.

Il-qassis u l-Ewkaristija

Papa Franġisku jiddeskrivi l-qassis bħala bniedem deċentralizzat għax fil-qalba ta’ ħajtu m’hemmx hu imma Kristu. F’Omelija li kien għamel f’Ġunju 2016 kien qal: Fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, kuljum niskopru l-identità tagħna bħala ragħajja. F’kull quddiesa nagħmlu tagħna l-kliem ta’ Kristu: ‘Dan hu Ġismi li jingħata għalikom’. Dan li jfisser tkun qassis. B’dan il-kliem, b’mod reali kuljum nistgħu nġeddu l-wegħda li għamilna fl-ordinazzjoni tagħna’.

Il-qassis, parti kbira mis-servizz tiegħu lil Alla jagħtiha fil-konfessjonarju, fejn isir espressjoni tal-ħniena t’Alla. Waqt li kien qed ikellem numru ta’ Kappillani f’Marzu 2014, il-Papa Franġisku qal li: “Hu normali li l-konfessuri jkollhom sitili differenti, iżda mhux dwar affarijiet essenzjali, jiġifieri fejn tidħol id-dutrina morali u l-ħniena. Il-ħniena vera tridna nieħdu ħsieb il-persuna, nisimgħuha b’attenzjoni u neżaminaw is-sitwazzjoni b’rispett u verità filwaqt li nakkumpanjawh fit-triq tar-rikonċiljazzjoni”.

Il-qassis u t-talb

Il-Papa dejjem insista li l-qassis, fuq kollox irid ikun bniedem li jitlob. Qal li f’għaqda ma’ Alla negħlbu d-diversi tentattivi li nagħmlu l-ħażin. F’ittra li kien bagħat lill-qassisin, il-Papa kien issuġġerielhom li jgħidu r-rużarju kuljum. “Li nikkontemplaw lil Marija ifisser li nemmnu fin-natura rivoluzzjonarja tal-imħabba u t-tenerezza. Fiha naraw li l-umiltà u t-tenerezza m’humiex virtujiet ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu b’saħħtu li ma għandux bżonn jitratta lil ħaddieħor b’mod fqir biex jidher importanti hu”.

Skont il-Papa, l-ispiritwalità tas-saċerdot hi magħġuna fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Fl-‘Evanġeli Gaudium’ huwa kiteb dwar kif il-Knisja “ma hix u  ma tistax tibqa’ fil-ġemn fejn tidħol il-ġlieda għall-ġustizzja”. Is-Saltna t’Alla tibda hawn f’din id-dinja u hawnhekk niltaqgħu ma’ Ġesù: il-ġudizzju universali se jara eżattament dak li għamilna mal-foqra, mal-morda, mal-barrani u mal-priġunier. Inkunu ġudikati dwar kif ħabbejna. Kif qal il-Papa San Ġwanni Pawlu II, ma jistax ikun hemm imħabba mingħajr ġustizzja.

Qassisin jissugraw ħajjithom

Fl-ittra lill-qassisin li diġà ssemmiet aktar ‘l fuq, Papa Franġisku jirringrazzja lil dawk il-qassisin “li jagħmlu minn ħajjithom opra ta’ karità f’reġjuni u sitwazzjonijiet diffiċli jew f’postijiet il-bogħod u abbandunati, b’sogru għal ħajjithom”. Hu rringrazzjahom “għall-eżempju kuraġġuż u kostanti tagħhom” u jistedinhom biex ma jaqtgħux qalbhom għax “il-Mulej qed jipprufika lil-Għarusa Tiegħu u qed jikkonvertina lkoll lejH”. Hu juri l-gratitudni tiegħu lil dawk il-qassisin kollha li b’ġenerożità jgħaddu ħajjithom fis-servizz tal-oħrajn.

F’Ħamis ix-Xirka ta’ erba’ snin, fil-Quddiesa tat-tberik taż-Żjut il-Papa tkellem dwar l-għajja tal-qassisin u qal li spiss jaħseb dwar dan. “Spiss naħseb u nitlob dwar dan, speċjalment meta jien stess inħossni għajjien. Nitlob għalikom waqt li tkun qed taħdmu fost in-nies fdati lilkom, ħafna minnkom f’postijiet perikolużi u mbiegħda. L-għajja tagħna, għeżież ħuti saċerdoti, hi bħal inċens li jitla’ lejn is-sema. L-għajja tagħna tmur dritt fil-qalb tal-Missier”. Il-Papa ddeskriva din l-għajja bħala xi ħaġa pożittiva għax hi frott tal-ħidma fost il-poplu.

Il-qassis u ċ-ċajt

Il-Papa Franġisku spiss ifakkar lill-qassisin li “il-qassis kapaċi jgħix bil-ferħ u spirtu ċajtier. Dan il-ferħ jiġi mill-għaqda tagħna ma’ Kristu”  u qal li hu kuljum jitlob biex ikollu u jżomm dan l-ispirtu ċajtier. F’intervista li kien ta lil stazzjon televiżiv il-Papa kien iddeskriva kif dan l-ispirtu ċajtier jergħek ‘l fuq. Hi xi ħaġa umana ħafna u qrib il-grazzja t’Alla.

Il-Papa jitlob lill-qassisin biex dejjem ikunu qrib in-nies u fl-istess waqt jitlolob lill-insara biex jgħinu lill-qassisin. Fil-fatt kien qal: “Għeżież insara lajċi, kunu qrib is-saċerdoti tagħkom b’imħabba u bit-talb biex huma dejjem ikunu ragħajja skont il-Qalb ta’ Alla”.