Ommu ma xtaqitux isir saċerdot

Il-Papa Franġisku l-bieraħ il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru ċċelebra l-50 anniversarju mill-ordinazzjoni tiegħu għas-saċerdozju mingħajr fanfarri jew ċerimonji. Beda l-ġurnata tiegħu fil-kappella ta’ Santa Marta, il-guesthouse tal-Vatikan fejn jgħix, din id-darba konċelebranti ma’ madwar 60 kardinal.

Il-Papa kien ordnat saċerdot 50 sena ilu fit-13 ta’ Diċembru, 1969 mill-Arċisqof ta’ Cordoba, Ramón José Castellano, f’Buenos Aires, erbat ijiem qabel ma għalaq 33 sena.

Il-familja kollha tiegħu kienu attendew iċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni bl-eċċezzjoni ta’ missieru, Mario, li dejjem approva d-deċiżjoni li ibnu jsir saċerdot iżda kien miet qabel dan il-jum. Dawk preżenti nkludew lil ommu, Regina, l-erba’ aħwa tiegħu — Oscar Adrian, Alberto Horacio, Marta Regina u Maria Elena — u n-nanntu Rosa.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, ommu, li qatt ma xtaqitu li jsir saċerdot imma tabib, inxteħtet għarkuptejha quddiemu u talbitu jberikha. In-nanna tiegħu, li appoġġjat il-vokazzjoni tiegħu u kienet viċin ħafna tiegħu, tagħtu ittra, nofsha bl-Ispanjol u nofsha bit-Taljan li kienet kitbet għall-okkażjoni u li baqa’ jżomm fil-brevarju tiegħu.

F’dan il-50 anniversarju mis-saċerdozju tiegħu, Franġisku, li issa jqis lilu nnifsu bħala “il-kappillan tad-dinja,” baqa’ bir-rutina tas-soltu fejn kellu għadd kbir ta’ udjenzi u ltaqa’ wkoll ma’ kantanti u mużiċisti li se jieħdu sehem fil-kunċert tal-Vatikan li jsir ta’ kull sena.