Il-Papa Franġisku fetaħ it-triq biex l-Arċisqof Romero jsir qaddis

L-Arċisqof ta’ El Salvador, Oscar Romero, li kien inqatel fuq l-altar waqt li kien qed iqaddes fl-1980, mistenni jkun iddikjarat qaddis aktar tard din is-sena flimkien mal-Papa Pawlu V.
Dan sar possibbli wara li l-Papa Franġisku approva l-miraklu li seħħ bl-interċessjoni ta’ Romero, li kien meħtieġ biex tkun tista’ ssir il-kanonizzazzjoni.
Għalkemm f’dawn l-aħħar xhur din l-aħbar kienet mistennija, xorta waħda qed titqies bħala mossa li turi kif il-Papa Franġisku qed jibdel il-Knisja fil-kważi ħames snin li ilu jmexxiha.
Il-kawża tal-Arċisqof Romero ilha tkaxkar għal aktar minn għaxar snin taħt il-Papiet Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI.
F’inqas minn sentejn minn meta beda l-pontifikat, fi Frar tal-2015, il-Papa Franġisku kien iddikjara li Romero kien martri tal-Fidi Kattolika u f’Mejju tal-istess sena, iddikjarah beatu.
Din il-ġimgħa l-Papa aċċetta li l-Arċisqof  Romero kien responsabbli għall-fejqan ta’ Cecilia Mairbel Flores, li lejn tmiem it-tqala tagħha kienet fil-periklu iminenti tal-mewt, iżda fieqet wara li talbet l-interċessjoni tiegħu. Il-Papa ftit ilu approva wkoll miraklu li seħħ bl-interċessjoni ta’ Pawlu VI.
It-tħabbira uffiċjali tal-kanonizzazzjoni ta’ Oscar Romero u Pawlu VI issa hi biss kwestjoni ta’ formalità.  Irid isir konċistorja jew laqgħa tal-Kardinali f’Ruma biex tintgħażel data għal din il-kanonizzazzjoni.  Ħafna qed ibassru li dan jista’ jsir f’Ottubru li ġej waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ.
Oscar Romero kien sar Arċisqof ta’ San Salvador fi Frar tal-1977 meta f’pajjiżu kien hemm inkwiet politiku serju minħabba elezzjoni presidenzjali li seħħet bl-indħil tal-forzi militari.
Is-sitwazzjoni fil-pajjiż kompliet tiggrava u l-Isqof  Romero kien spiss isemma’ leħnu u jikkundanna l-qtil u l-ħtif ta’ persuni mill-forzi tal-Gvern li wasslu għal gwerra ċivili fil-pajjiż li damet għaddejja għal 12-il sena sħaħ.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI kien esprimew li ma kinux komdi bil-kundanni ta’ Romero għax kienu jibżgħu mill-influwenza tat-Teoloġija tal-Liberazzjoni fil-kitbiet u l-omeliji tiegħu.
Iżda l-Papa Franġisku faħħru bħala mudell ta’ Isqof li jħobb in-nies tiegħu.
F’ittra li nqrat fiċ-ċerimonja tal-Beatifikazzjoni tal-Arċisqof  Romero, Papa Franġisku sejjaħlu “Isqof li jaf imexxi, jiddefendi u jipproteġi l-merħla”.
L-Arċisqof Vincenzo Paglia, il-Postulatur tal-kawża ta’ Romero, sejjaħlu “martri tal-Knisja tal-Konċilju Vatikan II li għażel li jgħix mal-foqra biex jiddefendihom mill-oppressjoni”.
Teologi u esperti li studjaw il-ħajja ta’ Oscar Romero qalu li bil-kanonizzazzjoni tiegħu, il-Papa Fraġisku qed joħloq ikona li isqfijiet oħra għandhom iħarsu lejha bħala mudell ta’ kif għandu jkun isqof.