Il-Papa Franġisku b’karozza ġdida ‘second hand’

Il-Papa Franġisku għandu karozza ġdida, Renault 4 second-hand, li rċieva bħala rigal mill-Kappillan tal-Parroċċa Santa Lucia di Pescantina.

Il-Kappillan Dun Renzo Roca rrakkonta kif xahar ilu, irċieva telefonata mill-Papa li staqsieh jekk hux minnu li ried ineħħi l-karozza, jekk iridhiex xi ħaddieħor u jekk għandux karozza biex jinqeda hu stess.

Dun Renzo qal kif malli tah il-karozza, ma kellu bżonn jispjegalu xejn, għax il-Papa Franġisku qallu li l-Arġentina kellu Renault 4, karozza li qatt ma tħallik timxi.

Bi tbissima Dun Renzo qal li Gwardjan Żvizzeru biċ-ċajt qallu li jinsabu ftit inkwetati, għax iridu jaraw x’se jagħmel il-Papa b’din il-karozza.

Il-karozza l-ġdida tal-Papa għandha tal-inqas 21 sena.