Il-Papa Franġisku beda ż-żjara fil-Madagascar

Il-Papa Franġisku nieżel mill-ajruplan biex jirfes l-art tal-Madagascar

Il-Papa Franġisku  beda t-tieni parti tal-vjaġġ tiegħu fl-Afrika meta ftit wara l-4.00 pm, il-bieraħ, wasal fl-ajruport tal-kapitali tal-Madagascar, Antananarivo. Dan hu l-31 Vjaġġ Apostoliku tal-Papa preżenti.

Wara jumejn intensi fil-Mozambique li ntemmu b’quddiesa ċelebrata fi stadju ppakkjat bin-nies f’Maputo, f’Madagascar ngħata merħba fl-ajruport mill-President tal-pajjiż u delegazzjoni uffiċjali, fejn żewġt itfal żgħar bi lbies tradizzjonali offrewlu l-fjuri filwaqt li l-folla li nġabret uriet il-ferħ tagħha għal din iż-żjara.

Kmieni dalgħodu l-Papa mistenni jagħmel żjara uffiċjali lill-awtoritajiet politiċi u jkellimhom flimkien mal-membri tal-korp diplomatiku u membri tas-soċjetà ċivili u minn hem imur f’monasteru tas-Sorijiet Karmelitani biex jgħid it-talb ta’ nofsinhar.

Fl-ewwel jum tiegħu f’dan il-pajjiż, Papa Franġisku mistenni jiltaqa’ wkoll l-Isqfijiet tal-Madagascar u jżur il-qabar tal-Beatu Victorie Rosoamanarivo u jtemm il-ġurnata b’laqgħa maż-żgħażagħ.

Għada l-Ħadd, il-mexxej tal-Knisja Kattolika mistenni jiċċelebra Quddiesa fil-beraħ fil-belt kapitali u wara jżur dik li hi magħrufa bħala “Il-Belt tal-Ħbiberija” f’Akamasoa li kien waqqt il-missjunarju Fr. Pedro Opeka.

8.2 miljun Kattoliku

Minn popolazzjoni ta’ 23.6 persuna fil-Madagascar, 8.2 miljuni huma Kattoliċi. Hawnhekk il-Knisja hi magħmula minn 22 djoċesi li fihom jiġbru 438 parroċċa u aktar minn 9,000 ċentru pastorali.

Il-Konferenza Episkopali tal-Madagascar hi komposta minn 25 Isqof. Għandhom jgħinuhom fil-ħidma pastorali tagħhom 892 saċerdot djoċesan, 855 patri, 5,000 soru, 1703 missjunarji lajċi, 14,395 katekist u 1977 seminarist li qed iħejju għas-saċerdozju.

Il-Knisja Kattolika għandha jew tmexxi 5,367 skejjel primarji jew kindergartens li fihom jattendu 480,000 tifel u tifla; 1204 skejjel sekondarji fejn imorru 202,000 student u 62 Università jew Skejjel Sekondarji Għolja li joffru tagħlim lil 16,500 ġuvni u tfajla.

Barra minn dan il-Knisja tmexxi wkoll 20 sptar, 127 klinika, 154 Djar tal-Anzjani jew Persuni b’Diżabilità, 154 orfanatrofju, u 24 ċentru għall-lebbrużi.