Il-Papa fil-Myanmar: “Kunu champions tad-demokrazija”

“Ġibu ruħkom bħala ċ-champions tad-drittijiet tal-bniedem, tat-tmexxija demokratika, tar-rispett tad-dinjitá u d-drittijiet ta’ kulħadd, l-aktar tal-fqar u l-aktar vulnerabbli.”
Hekk qal il-Papa Franġisku meta kellem lill-Isqfijiet ta’ Myanmar aktar kmieni llum.
F’diskors qasir f’kamra fil-Katidral ta’ Santa Marija f’Yangon, il-Papa ħeġġeġ lil madwar 20 Isqof kattoliku biex jaħdmu favur ir-rikonċiljazzjoni u fejqan b’kunflitti etniċi, reġjonali u politiċi.
Qalilhom ukoll biex ikollhom spirtu missjunarju qawwi waqt li jkabbru r-rabtiet ma’ nsara oħra u reliġjonijiet oħra, ħalli jiċħdu kull att ta’ vjolenza u mibegħda li jsir f’isem xi reliġjon.
Franġisku qalilhom ukoll biex jilħqu bilanċ tajjeb bejn is-saħħa spiritwali u fiżika u li jagħtu kas ħafna tas-saħħa tal-qassisin tagħhom.
Qabel il-laqgħa mal-isqfijiet il-Papa ltaqa’ mas-Sangha kif inhu magħruf il-Kunsill Suprem tal-Patrijiet Buddisti, li jlaħħqu għal xi nofs miljun. Il-laqgħa se ssir fiċ-Ċentru Kaba Aye.  Madwar 88% tal-popolazzjoni tal-pajjiż hija magħmula mill-Buddisti.
Il-Papa qal li n-nies jistennew “xhieda komuni” mill-mexxejja reliġjużi.  
“Meta aħna nitkellmu b’vuċi waħda biex naffermaw il-valuri tal-ġustizzja, tal-paċi u tad-dinjita fundamentali ta’ kull bniedem inkunu qed nagħtu kelma ta’ tama.”
Bħala turija ta' rispett, il-Papa neża' ż-żarbun imma baqa' bil-kalzetti suwed. Din titqies bħala eċċezzjoni hekk kif kemm il-patrijiet kif ukoll il-viżitaturi dejjem jimxu ħafjin fil-Pagodas.
"Is-salib ta' Kristu bħal GPS spiritwali"
Aktar kmieni waqt quddiesa pubblika fit-tielet ġurnata tiegħu f’Myanmar, il-Papa Franġisku ddeskriva s-salib ta’ Kristu bħala “GPS spiritwali li b’ċertezza jwassalna lejn Alla u lejn il-qalb tal-proxxmu.”
Kristu fuq is-salib, qal Franġisku,  offra l-ġrieħi tiegħu lill-Missier għall-bżonnijiet tagħna. Huwa appella lill-għexieren ta’ eluf li kellu quddiemu biex ikunu għaqlin biżżejjed biex fil-ġrieħi ta’ Kristu  isibu l-fejqan li għandhom bżonn ħafna fil-Myanmar li “huma feruti mill-vjolenza u għandhom ħrieġi li jidhru u oħrajn li ma jidhrux.”
“Aħna naħsbu li l-fejqan jiġi mir-rabja u mill-vendetta. Iżda l-vendetta mhix it-triq ta’ Kristu”, qal il-Papa.  
Il-Papa kien qed iqaddes għall-Kattoliċi f’Kyaikkasan Ground, f’Yangon. Din kienet l-akbar tal-Papa f’dan il-pajjiż tant li huwa ikkalkulat li mal-200,000 persuna attendew għall-quddiesa; uħud minnhom kienu ilhom fil-post minn matul il-lejl.  L-għadd ta’ Kattoliċi huwa ta’ madwar 450,000 li jammonta għal 1% tal-popolazzjoni kollha.
 

https://platform.twitter.com/widgets.js

Il-Papa reġa’ lura f’Yangon wara żjara ta’ ġurnata fil-belt kapitali Nay Pyi Taw fejn iltaqa' ma’ dik li fil-fatt hija l-kap tal-Gvern tal-Myanmar, Aung San Suu Kyi. Huwa mbagħd indirizza lill-awtoritajiet tal-pajjiż, lis-soċjeta ċivili u lill-korp diplomatiku.
Evita li juża l-isem 'Rohingya'
Waqt id-diskors tiegħu l-Papa Franġisku evita li juża l-isem ‘Rohingya’ iżda fl-istess ħin huwa ma qagħadx lura milli jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet tal-gruppi etniċi kollha. Kien saħansitra l-Kardinal Bo, il-kap tal-Knisja fil-Myanmar li kien ta parir lill-Papa biex ma jużax din il-kelma, għax jibża’ li jekk jagħmel hekk ikun qed jipperikola lill-Kattoliċi u joħloq r-rabja fil-Buddisti li huma l-maġġoranza assoluta fil-pajjiż.
Fid-diskors tiegħu l-Papa qal li “l-futur ta’ Myanmar għandu jkun futur fil-paċi li tkun mibnija fuq ir-rispett lejn id-dinjita u d-drittijiet ta’ kull membru tas-soċjeta, rispett lejn kull grupp etniku u lejn l-identita tagħhom, rispett lejn il-ħarsien tal-liġi, u rispett lejn l-ordni demokratiku.” Il-Papa qal li id-demokrazija tippermetti lil kull individwu u lil kull grupp mingħajr ebda eċċezzjoni biex jikkontribwixxi għall-ġid komuni.
Huwa ħied jgħid li l-poplu tal-Myanmar  “sofra ħafna u qed ikompli jsofri minħabba konflitti ċivili u ostilita li damet ħafna żmien.” Il-Papa Franġisku qal li l-paċi u r-rikonċiljazzjoni jikbru biss jekk ikun hemm l-impenn għall-ġustizzja u r-rispett għad-drittijiet umani.
Iż-żjara tal-Papa fil-Myanmar tintemm għada l-Ħamis wara li l-Papa jqaddes għaż-żgħażagħ fil-Kattidral ta’ Santa Marija.