Il-Papa Franġisku l-ewwel Papa li jżur il-Golf Għarbi

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għara Magħquda jippreżenta rigal lill-Papap flimkien ma' stedina biex iżur il-pajjiż

Meta l-Papa Franġisku tard illejla jibda Żjara Pastorali fl-Emirati Għarab Magħquda se jkun l-ewwel Papa li se jżur il-Golf Għarbi. Il-Ministru tal-Istat tal-Emirati jqis din iż-żjara bħala ġrajja unika u fl-istess waqt tixhed il-valuri ta’ pajjiżu li huma l-aċċettazzjoni, il-koeżistenza, l-inklussività, it-tolleranza u l-umanità.

Sa minn meta twaqqfu, l-Emirati dejjem issalvagwardjaw id-drittijiet u l-libertajiet tar-reliġjonijiet, setet u kull twemmin ieħor. Il-kostituzzjoni tal-pajjiż tiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni spiritwali u tipprojbixxi espliċitament kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew razza.

Dan qalu fi stqarrija kkwotata mill-Vatican News, Dr Sultan Ahmed Al Jaber, Ministru tal-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda li żied jgħid li l-Papa Franġisku se jsib pajjiż fejn aktar minn miljun Kattoliku jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom mingħajr tfixkil f’nofs il-maġġoranza ta’ poplu Musulman. Fil-pajjiż hemm aktar minn 40 knisja biswit il-moskej li jilqgħu fihom l-Insara għat-talb tagħhom qrib tempji tal-Buddisti, Hindu u Sikh.

“L-aċċettazzjoni tar-reliġjonijiet kollha fil-pajjiż turi l-impenn tal-mexxejja lejn soċjetà miftuħa, li tilqa’ fiha nies ġejjin minn 200 pajjiż u etniċitajiet differenti li jiġu hawn biex jaħdmu u jgħixu. Din l-attitudni ġeneruża lejn l-oħrajn hi valur qawwi u karatteristika ewlenija tal-kultura tagħna li tirrifletti l-viżjoni tal-fundatur tagħha x-Sheikh Zayed bin Sultan al Nahyan. Hu kien fehem li kemm pajjiżu kif ukoll dawk tal-madwar, igawdu jekk jibnu pontijiet u jagħmlu rabtiet kulturali mal-komunità internazzjonali. Din il-filosofija wasslet għal politika barranija li tfittex li toħloq sħubija li twassal għall-prosperità fid-dinja bbażata fuq rispett reċiproku u riflessa f’politika domestika li tittratta indaqs u l-istess il-kulturi differenti, temm jgħid il-Ministru Al Jaber.

L-Emirati Għarab stabbilew relazzjonijiet diplomatiċi mal-Vatikan fl-2007 u minn dak iż-żmien ‘l hawn dawn ir-relazzjonijiet komplew jissaħħu. Is-sena li għaddiet is-sena li għaddiet il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Emirati għamel żjara fil-Vatikan u hemm għamel stedina uffiċjali lill-Papa Franġisku biex iżur il-pajjiż.

“Fiż-żjara fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Papa, barra milli jagħmel quddiesa fil-pubbliku li għaliha mistennija jattendu 135,000 persuna, jiltaqa’ mal-Imam Al Azhar u maċ-Chairman tal-Kunsill tal-Musulmani. F’din il-laqgħa se jiltaqgħu flimkien il-mexxejja tal-Kattoliċi u s-Sunni b’turija ta’ impenn komuni lejn il-prinċipji tar-rispett reċiproku u koeżistenza paċifika,” żied jgħid il-Ministru.

Din iż-żjara qed issir fis-“Sena tat-Tolleranza” u ssaħħaħ il-karatteristika ta’ inklussività attiva tal-pajjiż u tfakkarna li t-tolleranza mhix xi ħaġa passiva imma rridu naħdmu għaliha kontinwament. Dan hu l-istess prinċipju li jġegħelna niffukaw fuq soċjetà aktar ġusta u bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fl-istituzzjonijiet tagħna.

“Bl-istedina lill-Papa qed nibagħtu messaġġ lil dawk kollha li jgħixu fostna, irrispettivament mill-kredu u l-kultura tagħhom li mhux biss huma aċċettati, imma wkoll milqugħa bħala parteċipanti attivi u nirringrazzjawhom għall-kontribut pożittiv tagħhom lejn l-Emirati.”