Aġġornata: Il-Papa fis-Sinodu: Jappella lill-Isqfijiet biex jitkellmu ċar dwar il-familja

Is-Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet, li beda mill-bieraħ fil-belt tal-Vatikan, qed isir bit-Taljan, mhux iktar bil-Latin, wara deċiżjoni tal-Papa Franġisku.
Din il-bidla fil-proċedura hi waħda mill-iktar li għenet biex ix-xogħol ikun eħfef u l-Isqfijiet jinftehmu b’inqas xkiel. Is-Sinodu mistenni jagħti direzzjoni universali dwar il-familja, imma mbagħad li tiġi applikata skont ir-realtajiet tal-post li fihom wieħed ikun jaħdem.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata bit-Taljan, bil-Franċiż u bl-Ispanjol minn żewġ Kardinali u minn żewġ Isqfijiet fil-preżenza tal-Kelliem tas-Santa Sede, il-Patri Federico Lombardi.
L-Isqfijiet fissru kif il-Papa Franġisku jemmen ħafna fis-“Sinodalità” li fissru bħala s-sens li l-Isqfijiet jimxu flimkien b’libertà imma bi ħtieġa li jisimgħu lil xulxin b’rispett.
Huma fakkru fix-xewqa espressa tal-Papa dalgħodu, li l-Isqfijiet jitkellmu bl-iktar mod ċar dwar ir-realtajiet li jgħixu fihom.
Saħqu li dan is-Sinodu se jwassal għal eżami qawwi għall-ġid tal-Knisja u għal dak tas-soċjetà.
Spjegaw li s-Sinodu qed isir wara li 84% tal-konferenzi episkopali tad-dinja kollha taw ir-rispons tagħhom għall-kwestjonarju li sar fid-djoċesijiet.
Il-Papa Benedittu XVI mhux mistenni jieħu sehem f’dan is-Sinodu, li jibqa’ għaddej sad-19 t’Ottubru.

Iktar kmieni: 
Il-Papa Franġisku dalgħodu fetaħ il-ħidma fuq is-Sinodu dwar il-Familja. 
F’diskors qasir, il-Papa enfasizza fuq il-bżonn biex matul dan is-sinodu, b’responsabbiltà kbira, l-isqfijiet u l-kardinali jitkellmu b’mod ċar, jgħidu dak li jħoss u anke jismgħu b’umiltà l-opinjonijiet tal-oħrajn. 
Dan għaliex fi kliem il-Papa, hekk biss is-sinodu jista’ jirnexxi. 
Wara l-konċistorju ta’ Frar li għadda, fejn ġiet diskussa wkolli l-familja, il-Papa llum ħabbar li kien irċieva ittra mingħand kardinal li qallu li hi ħasra kbira li ħafna kardinali qagħdu lura milli jitkellmu għax ħasbu li l-Papa seta’ jaħsibha b’mod differenti. 
Il-Papa Franġisku fakkar lill-isqfijiet li hi responsabbiltà kbira li tagħraf ir-realtajiet u l-problemi tal-Knisja bil-għan li jimxu skont il-Vanġelu tal-familja.