Il-Papa fil-Bangladesh: Ifaħħarhom talli għenu lir-Rohingya

Ftit wara li wasal fil-Bangladesh, il-Papa faħħar lill-President Abdul Hamid tal-ġenerożità li pajjiżu, minkejja li hu pajjiż fqir, ta lill-poplu tar-Rohingya.
Il-Papa għal darb’oħra ma użax il-kelma Rohingya iżda kien ċar ħafna li qed jirreferi għalihom meta semma r-refuġjati li waslu fil-pajjiż mill-istat ta’ Rakhine fil-Myanmar.
Huwa rrefera għalihom bħala “ħuti” u qal li l-Bangladesh mexa magħhom bi spirtu ta’ “ġenerożità u solidarjetà”. F’dawn l-aħħar xhur il-Bangladesh laqa’ mas-600,000 membru tal-Rohingya.
Il-Papa jinsab fit-tieni parti tal-vjaġġ tiegħu fl-Asja u wasal il-Bangladesh wara żjara ta’ ftit jiem fil-Myanmar.
Franġisku għaraf li l-għajnuna mogħtija lir-refuġjati fissret sagrifiċċju mhux żgħir lill-Bangladesh.
Il-President Abdul Harmid mill-banda l-oħra rrefera għar-Rohingya b’isimhom u qal li dawn kienu sfurzati jabbandunaw arthom. Huwa fakkar li ħafna nqatlu u ħafna nisa kienu stuprati u li kien għalhekk li marru għall-kenn f’pajjiżu.
Harmid faħħar ħafna lill-Papa għall-pożizzjoni favur ir-Rohingya li huwa ħa diversi drabi meta talab lill-komunità internazzjonali biex terfa’ r-responsabilta tagħha.
Il-Bangladesh huwa pajjiż Musulman u l-għadd tal-Kattoliċi huwa biss ta’ xi 350,000, li jġib anqas minn 0.2% tal-popolazzjoni. Fil-pajjiż hemm anqas minn 400 qassis.
Din hija t-tieni żjara ta’ Papa fil-Bangladesh. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien żar il-pajjiż fl-1986, waqt li l-Papa Pawlu VI kien waqaf hemm ftit fl-1970.
Il-Papa fil-Myanmar: Liż-żgħażagħ jgħidilhom jaqdfu b'għemilhom, mhux bi lsienhom
Aktar kmieni, il-Papa Franġisku appella liż-żgħażagħ Kattoliċi miġbura quddiemu fil-Mjanmar sabiex ikunu dixxipli missjunarji u jwasslu l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù lin-nies ta’ żmienhom.
Franġisku qal dan f’dal-pajjiż Buddist li fih hi illegali li missjunarji barranin, bħall-Papa nnifsu, jippreżentaw lilhom infushom bħala missjunarji, u dan minħabba li l-Gvern tal-Mjanmar jibża’ minn movimenti li jippruvaw idawru t-twemmin tal-maġġoranza lejn reliġjon ieħor.
Minkejja dan il-Papa enfasizza li ż-żgħażagħ Kattoliċi għandhom iwasslu l-messaġġ b’għemilhom, u mhux bil-vuċi, “Kunu sinjal ta’ tama lil dawk li jeħtieġu lil min iqawwilhom qalbhom, għajnuna lill-morda, merħba lill-barrani, u sapport lil min jinsab waħdu”, kien l-indirizz tiegħu.
L-omelija tal-Papa kienet tidwi silta mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, “Il-passi tas-saqajn ta’ dawk li jwasslu l-aħbar it-tajba huma l-ħoss tal-merħba”.
Il-Papa rrimarka li dal-ħoss huwa ppersonifikat fiż-żgħażagħ li jwasslu messaġġ ta’ mħabba u ferħ li ma jmutu qatt.
Dal-messaġġ ewlieni Franġisku għaddieh waqt quddiesa ma’ dawn iż-żgħażagħ fil-Katidral ta’ Santa Marija, u minn hemm erħielha lejn l-ajruport fi triqtu lejn il-Bangladesh.
Iżda Franġisku kompla biex jisfida lil dawn iż-żagħżagħ billi ġegħelhom jaħsbu fuq dawn it-tliet mistoqsijiet;

  • Jista’ xi ħadd jemmen f’Alla jekk qatt ma sema’ bih?
  • Jista’ xi ħadd jisma’ dwar Alla jekk ma semax bid-dixxipli tiegħu?
  • Jista’ xi ħadd jisma’ b’dixxiplu t’Alla jekk ħadd ma jibgħatulu?

Wara dawn l-ispunti għall-ħsieb, il-Papa reġa’ tefa’ r-responsabbiltà fuq iż-żgħażagħ meta qalilhom biex ikunu dak il-ħoss li jinfed fil-ħafna ħsejjes oħra li qed imewtu l-vuċi t’Alla.
Sadanittant, il-Papa sema’ mill-avviż tal-Kardinal Bo, li kien talbu biex ma jsemmix l-isem Rohingya fil-Mjanmar, iżda ma qagħadx lura milli jfakkar dwar it-tbatijiet tal-gruppi etniċi madwar id-dinja.
Fl-aħħar xhur il-Musulmani Rohingya qed ikollhom jaħarbu mill-pajjiż lejn il-Bangladesh, minħabba dak li n-Nazzjonijiet Magħquda qed iqisu bħala tindif etniku mill-awtoritajiet tal-Mjanmar.
F’diskors ieħor fil-fatt il-Papa nstema’ jgħid li l-futur tal-Myanmar għandu jkun futur fil-paċi li tkun mibnija fuq ir-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet ta’ kull membru tas-soċjetà, rispett lejn kull grupp etniku u lejn l-identità tagħhom, rispett lejn il-ħarsien tal-liġi, u rispett lejn l-ordni demokratiku.