Il-Papa fil-Macedonia: Santa Madre Teresa xhud tal-imħabba t’Alla

Papa Franġisku jitlob quddiem statwa ta' Santa Madre Teresa fi Skopje, l-Macedonia

Il-Papa Franġisku llum beda l-ġurnata tiegħu fil-Macedonia billi malli wasal fil-kapitali Skopje waqaf jitlob quddiem statwa ta’ Santa Madre Teresa u wara żar dar li nbniet f’tifkira tagħha.

Meta Madre Teresa twieldet fi Skopje fis-26 ta’ Awwissu 1910, din il-belt kienet tagħmel parti Kosovo li kien taħt l-Imperu Ottoman.  Illum il-belt hi l-kapitali tal-Macedonia li żar il-Papa Franġisku wara jumejn fil-Bulgarija.

Fl-1963, terremot qawwi kien ġarraf għal kollox il-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù fejn kienet tgħammdet  Anjezë Gonxhe Bojaxhiu, li aktar tard saret Madre Teresa ta’ Calcutta, llum qaddisa. Fl-2009, flok dik il-knisja nbniet struttura futuristika li bdiet tissejjaħ “Id-Dar li Tfakkar lil Madre Teresa.

Malli dalgħodu wasal f’dan il-pajjiż il-Papa Franġisku, qabel ma’ sellem lil numru kbir ta’ foqra li huma megħjuna mis-Sorijiet Missjunarji tal-Karità, mwaqqfa minn Madre Teresa, skont Vatican News, waqaf jitlob fil-kappella ta’ din il-binja, quddiem ir-relikwi tal-qaddisa.

It-talba tal-Papa

Papa Franġisku beda biex irringrazzja ‘l Alla li tagħna l-ħajja u l-kariżma ta’ Madre Teresa: “Int sejjaħtilha biex tagħti xhieda tal-imħabba tiegħek mal-ifqar fost il-fqar”, talab il-Papa.

“Hi kienet kapaċi tagħmel ħafna ġid lil dawk li kienu l-aktar fil-bżonn għax f’kull mara u raġel rat il-wiċċ ta’ Ibnek”. Madre Teresa “saret il-karba tal-fqir u ta’ dawk kollha li huma għatxana għall-ġustizzja”, talb il-Papa Franġisku.

F’din il-belt fejn Santa Madre Teresa twieldet u għexet l-ewwel 18-il sena ta’ ħajjitha, il-Papa dar fuq il-qaddisa u qal: “Hawn int bdejt tara u tiltaqa’ ma’ nies fil-bżonn, mal-foqra u ma’ dawk li kienu jinħtieġu l-għajnuna.  Hawn int tgħallimt mingħand il-ġenituri tiegħek tħobb u tgħin lil dawk li kienu fi bżonn kbir. Hawn fis-skiet tal-knisja, smajt is-sejħa ta’ Alla biex timxi warajh bħala reliġjuża fil-missjonijiet”.

L-interċessjoni ta’ Madre Teresa

“Hawn f’dan il-post”, kompla jitlob il-Papa Franġisku, “nitolbuk tinterċedi ma’ Ġesù biex aħna wkoll nirċievu l-grazzja li nkunu attenti għall-karba tal-fqar, dawk li huma mċaħħda mid-drittijiet, il-morda, l-imwarrbin u dawk li huma l-anqas fost ħutna.”

Il-Papa talab lil Alla biex jagħtina l-grazzja “li narawH f’għajnejn dawk kollha li jduru lejna fil-bżonnijiet tagħhom… biex insiru sinjali ta’ mħabba u tama llum meta hawn ħafna foqra, abbandunati, emarġinati, refuġjati u emigranti.”

Papa Franġisku temm billi talab lil Santa Madre Teresa biex “titlob għal din il-belt ta’ Skopje, il-poplu tagħha, il-Knisja tagħha u għal dawk kollha li jixtiequ jimxu wara Alla.  Jimxi warajH li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jservi”.