Il-Papa fil-Litwanja jitlob għall-ħniena mhux ġudizzju

Waqt iż-żjara tiegħu fil-Litwanja l-Papa talab sabiex il-pajjiż jagħżel li jibni pontijiet u mhux ħitan, u li jissielet għall-ħniena u mhux ġudizzju. Dan qalu waqt li kien qed iżur in-niċċa tal-Madonna Omm tal-Ħniena f’Vilnuis, il-belt kapitali tal-Litwanja.

Hu sostna li l-Omm tal-Ħniena, bħal kull omm, tipprova tgħaqqad il-familja tagħha. Sostna li l-omm tinkoraġġixxi lill-ulieda biex ikunu hemm għal xulxin. “B’dan il-mod,” sostna l-Papa, “ hi tiftaħ il-bibien għal ġurnata ġdida.” Irrimarka li fil-passat ġew mibnija bosta fortizzi, imma llum hemm il-bżonn li kulħadd jara wiċċ xulxin u jirrikonoxxu lil xulxin bħala aħwa.

Il-Papa kompla d-diskorsi tiegħu billi sostna li tkun xi ħaġa ferm sabiħa jekk il-fatt li llum il-ġurnata huwa ferm faċli li wieħed jivjaġġa minn post għall-ieħor jintuża bħala mod kif ikun hemm aktar solidarjetà. Irrimarka li l-globalizzazzjoni tista’ twassal għal żieda fil-kompetizzjoni bejn bosta persuni, liema kompetizzjoni tifred il-popli u tikkrea tensjoni u mibgħeda.