Il-Papa fiċ-Ċili: Jagħmel l-ewwel waqfa fuq il-qabar “tal-Isqof tal-fqar”

Il-Papa Franġisku wasal f’Santiago fiċ-Ċili fejn se jkun qed jibda l-vjaġġ appostoliku tiegħu li jintemm fit-22 ta’ Jannar.
Mill-ajruport, il-Papa Franġisku baqa’ sejjer in-Nunzjatura iżda qabel waqaf f’parroċċa fejn hemm midfun Monsinjur Enrique Alvera Urrutia, magħruf bħala “l-isqof tal-fqar.”
Tul din il-ġimgħa, il-Papa Franġisku se jkun qed iżur ukoll il-Peru.
Mal-wasla tiegħu, il-Papa Franġisku ntlaqa’ mill-President Michelle Bachelet Jeria, il-President tas-Senat, Andrès Zaldivar u l-President tal-Kamra tad-Deputati, Fidel Espinoza, fost dinjitarji oħra.
Kif inhi t-tradizzjoni, il-Papa Franġisku bagħat telegramma lill-dawk il-pajjiżi li l-ajruplan għadda minn fuqhom.
Fost dawn, il-Papa Franġisku bagħat telegramma lill-pajjiżu stess, l-Arġentina.
Din kienet it-tieni darba li l-Papa tar minn fuq pajjiżu waqt li ħafna Arġentini qed jistaqsu għalfejn il-Papa għadu qatt ma mar iżurhom.
Ma jidhirx li għalissa l-Papa Franġisku għandu xi pjanijiet biex iżur l-Arġentina għalkemm żar ħafna pajjiżi fil-viċin.
It-telegramma kienet waħda sempliċi, u bħas-soltu l-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu għalih.
Intant, waqt it-titjira, il-Papa wera t-tħassib tiegħu dwar l-użu tal-armi nukleari.