Il-Papa f’ħidma diplomatika bejn Israel u l-Palestina

Il-Papa jilqa' fl-uffiċċju tiegħu lill-President Palestinjan

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’dawn l-aħħar ġimgħat kien involut f’ħidma diplomatika bl-iskop li jerġgħu jibdew it-taħditiet għall-paċi fil-Lvant Nofsani.

Wara li ġimgħatjen ilu laqa’ fil-Vatikan lill-President ta’ Israel, Reuven Rivlin, nhar it-Tnejn li għadda kien imiss lill-President Palestinjan Mahmoud Abbas  li jżur il-Vatikan u jiltaqa’ mal-Papa u aktar tard mas-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati, l-Arċisqof Paul Gallagher.

Iż-żewġ mexxejja rriferew għar-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn il-Palestina u s-Santa Sede u r-rwol siewi tal-insara u l-attività tal-Knisja Kattolika fis-soċjetà Palestinjana.

Tema ewlenija  fit-taħditiet tal-Papa mal-President Palestinjan u dak Israeljan kienet dwar l-istatus ta’ Ġerusalemm u l-importanza li tkun rikonoxxuta u preservata l-identità u l-valur universali tal-Belt Imqaddsa għat-tliet reliġjonijiet.

Ma setax jonqos li f’dawn it-taħditiet id-diskors jaqa’ fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani fejn it-tensjoni kull ma  jmur qed tikber flok tonqos.

Il-Papa Franġisku tkellem dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-poplu Palestinjan kif ukoll l-isforzi biex jerġa’ jkun attivat il-proċess ta’ paċi bejn Israel u l-Palestina bit-tama li tintlaħaq soluzzjoni fejn iż-żewġ stati jkunu jistgħu jgħixu ma’ xulxin b’mod paċifiku u t-tama li l-komunità internazzjonali timpenja ruħha biex tassigura li jintlaħqu l-aspirazzjonijiet ġenwini taż-żewġ popli.

Mal-President Abbas il-Papa semma wkoll il-kunflitti l-oħra li jolqtu l-Lvant Nofsani u l-ħtieġa urġenti li jinfetħu toroq għad-djalogu, bil-kontribut tal-komunitajiet reliġjużi biex tkun miġġielda kull forma ta’ estremiżmu u fundmentaliżmu biex jista’ jkun hemm il-paċi fir-reġjun kollu.

Din kienet il-ħames żjara tal-President Mahmoud Abbas fil-Vatikan.