“Taċċettawx il-korruzzjoni” – Il-Papa

Il-Papa Franġisku appella liż-żgħażagħ biex jibdew mindu jkunu qed jikbru jiġġieldu u ma jaċċettawx il-korruzzjoni, ġejja minn fejn ġejja, billi fost oħrajn iżommu quddiem għajnejhom il-ġid komuni.
Franġisku kien qiegħed jindirizza membri tal-Knisja fi Piazza del Popolo f’Cesena dalgħodu, meta ddeskriva l-korruzzjoni bħala s-susa tal-vokazzjoni politika.
Quddiem in-nies miġbura quddiemu, Franġisku fakkar li l-politika mhix qaddejja, iżda ħabiba, u allura trid tinkludi lil kulħadd fit-tfassil tagħha, inklużi dawn fil-maġini tas-soċjetà.
Hawnhekk enfasizza li “kulħadd” tinkludi wkoll l-ambjent, u politika ġenwina titbiegħed millim teqred id-don t’Alla à skapitu tagħha.
Aktar tard fil-katidral ta’ Cesena, Franġisku ffoka fuq l-evanġelizzazzjoni, u talab lill-qassisin quddiemu biex isibu mill-ġdid il-ferħ ta’ dil-vokazzjoni fi stadji differenti f’ħajjithom.
Ma naqasx milli jsemmi wkoll lil dawk li qed ibatu, fejn hawnhekk irrefera għar-rivoluzzjoni tal-karità kif bdieha San Vinċenz 400 sena ilu. Sostna li meta nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-batut, aħna niġu ppurifikati minn ġewwa bil-ħniena t’Alla.