Il-Papa Emeritu jżur lil ħuh

Il-Papa Emeritu Benedittu XVI, żar lil ħuh Georg ġewwa Regensburg akkumpanjat minn numru żgħir ta’ nies fosthom l-assistent personali tiegħu l-Arċisqof Gänswein, il-viċi kmandanat tal-pulizija tal-Vatikan u xi professjonisti tas-saħħa.

Is-saħħa ta’ ħu l-Papa Emeritu, li għandu 96 sena, hi fraġli u Benedittu XVI mar iżuru biex ikun viċin tiegħu f’dawn il-mumenti. Il-Papa Emeritu, li għal dawn l-aħħar snin għex fil-Monasteru Omm il-Knisja li jinsab fl-istat tal-Vatikan, il-Ħamis filgħodu qabad l-ajruplan biex imur Munich fejn wasal f’11.45am. Minn hemm qabad it-triq lejn Regensberg, akkumpanjat ukoll mill-Isqof Rudolf Voderholzer, fejn se jkun qiegħed jgħix fis-seminarju djoċesan.

L-aħwa Ratzinger, talbu sabiex, “din tkun żjara privata” u għaldaqstant mhux se jkun hemm udjenzi. Skont Matteo Bruni, Direttur tal-informazzjoni tas-Santa Sede, il-Papa Emeritu se jibqa’ l-Ġermanja “sa kemm ikun hemm bżonn.”

Żewġt aħwa viċin ħafna

L-aħwa Ratzinger minn dejjem kienu viċin ħafna. Għalkemm hemm tliet snin differenza bejniethom huma ġew ordnati saċerdoti fid-29 ta’ Ġunju 1951 ġewwa l-Katidral tal-Freising. Għalkemm huma qabdu toroq differenti, dejjem żammew viċin xulxin. Georg kien speċjalizza fil-mużika u Joseph kien teologu rinomat.

Fl-2008, Benedittu XVI qal li “Sa mill-bidu ta’ ħajtu, ħija kien mhux biss kumpann imma gwida li nista’ nafda. Iċ-ċarezza u d-determinazzjoni fid-deċiżjonijiet tiegħu, kienu għalija boxla u referenza.”