Il-Papa dwar l-abort: Qed nagħmlu bħall-Ispartani iżda b’aktar kefrija u bl-għajnuna tax-xjenza

Fiż-żjara li għamel f’San Giovanni Rotondo, il-belt fejn għex San Padre Pio, ilbieraħ, fl-omelija tal-quddiesa l-Papa Franġisku qal li għandna nfittxu lil Kristu fil-morda u dawk fil-bżonn.
Il-Papa qal li f’dik il-belt hemm santwarju speċjali fejn Kristu hu preżenti. Post li Padre Pio kien isejjaħlu  “tempju ta’ talb u xjenza: Id-Dar tas-Serħan mit-Tbatija, l-isptar li kien waqqaf dan il-qaddis.”
“Fil-marid wieħed isib lil Ġesù u fil-kura kollha mħabba ta’ dawk li jikkuraw il-feriti tal-ġirien, hemm niltaqgħu ma’ Kristu”, kompla l-Papa. “Dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal huma fuq in-naħa ta’ Kristu u jirbħu lill-Kultura tal-Ħala li tippreferi lis-sinjur u tqis lil fqir bħala nies li ma jiswew għal xejn.”
Papa Franġisku qal li dawk li “jippreferu liż-żgħir” qed jipproklamaw il-profezija tal-ħajja kontra l-profeti tal-mewt ta’ kull żmien, anke llum, iwarrbu n-nies, iwarrbu t-tfal, iwarrbu lill-anzjani għax m'hemmx bżonnhom.
Huwa fakkar li meta kien tifel, fl-iskola kien jitigħallem dwar l-Ispartanti. -“Kienu jgħallmuna l-istorja tal-Ispartani. Dejjem laqatni dak li kien jgħidilna l-għalliem: li meta titwieled tarbija b’xi difett, kien jeħduha fil-quċċata tal-muntanja u jwaddbuha għal isfel, biex dawn it-trabi ma jgħixux. U aħna t-tfal konna ngħidu: X’kefrija!!”
“Ħuti”, kompla jgħid il-Papa, “aħna qed nagħmlu l-istess, b’aktar kefrija u bl-għajnuna tax-xjenza. Dak li m’għandniex bżonnu, dak li ma jipproduċix, inwarrbuh. Din hi l-Kultura tal-Ħela: it-trabi ma rriduhomx illum. U għalhekk qed inwarrbu lil Kristu”.