Il-Papa dwar il-ħsara kbira li tagħmel id-droga lill-bniedem u lis-soċjetà

Il-Papa jkellem delegati ta' konferenza internazzjonali dwar id-droga

Id-droga tagħmel ħsara kbira għas-saħħa, għall-ħajja tal-bniedem u għas-soċjetà kollha kemm hi u aħna lkoll imsejjħa biex nikkumbattu  l-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tad-droga madwar id-dinja.

Dan enfasizzah il-Papa Franġisku f’diskors li għamel lill-parteċipanti ta’ konferenza internazzjonali dwar id-droga organizzata mid-Dikasteru għall-Iżvilupp Integrali Uman tas-Santa Sede. L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ippubblika d-diskors li għamel il-Papa Franġisku f’din l-okkażżjoni.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li “l-fenomnu inkwetanti tan-narkotiċi u forom oħra ta’ addizzjoni huma ta’ ostaklu għall-iżvilupp integrali uman.  Kullimkien, is-soċjetà qed tħabat wiċċha ma’ tibdil soċjali u kulturali u minn patoloġiji ġejjin minn klima sekularizzata tal-konsumeriżmu, telf ta’ valuri, vojt eżistenzjali u qed naraw ukoll rabtiet u relazzjonijiet jiddgħajjfu.  Il-vizzju tad-droga, kif għidna tant drabi hu ġerħa miftuħa fis-soċjetà; il-vittmi tiegħu, darba jinqabdu jkunu qed jitilfu l-ħelsien tagħhom u jsiru skjavi ta’ dipendenza li nistgħu ngħidula, dipendenza kimika.

“L-użu tad-droga jagħmel ħafna ħsara lis-saħħa, il-ħajja umana u lis-soċjetà. Hu dover u responsabbiltà ta’ kull Gvern biex b’kuraġġ jiġġieldu lil dawk li qed ibiegħu l-mewt.

“Qasam fejn ir-riskju qed jikber huwa l-ispazju virtwali; siti tal-internet, żgħażagħ u mhux żgħażagħ biss, qed jidħlu f’rabta li diffiċli joħorġu minnha u jitilfu s-sens tal-ħajja u kultant anke jitilfu ħajjithom stess.

“Quddiem dan ix-xenarju ta’ dwejjaq, il-Knisja tħoss il-ħtieġa urġenti li fid-dinja tal-lum jinħoloq forma ta’ umaniżmu li jkun kapaċi jirrestawra lill-persuna umana u jpoġġiha fiċ-ċentru tal-ħajja soċjali, ekonomika u kulturali: umaneżmu bażat fuq il-Vanġelu tal-Ħniena.

“Fih, id-dixxipli ta’ Kristu sabu l-ispirazzjoni għal ħidma pastorali li tista’ tkun verament effettva biex ittaffi, tikkura u tfejjaq it-tbatija kbira marbuta mad-diversi forom ta’ vizzji li hawn fid-dinja. F’soċjetà li tarmi kollox, Alla ma jarmi lil ħadd; għalih m’hemm ħadd li ma jistax ifieq u jsalva.

“Il-Knisja, flimkien ma’ istituzzjonijiet, lokali, nazzjonali u internazzjonali u diversi aġenziji edukattivi, f’kull parti tad-dinja qed tikkumbatti t-tixrid tal-vizzju u qed tuża riżorsi f’servizzi ta’ prevenzjoni, kura, riabilitazzjoni u ri-integrazzjoni, biex tagħti lura d-dinjità lil dawk li tilfuha.

“Il-ġlieda kontra l-vizzji titlob sforz konġunt minn diversi gruppi u aġenziji lokali biex ifasslu programmi soċjali li jippromowvu l-kura, l-edukazzjoni u l-appoġġ familjari ta’ dawn il-vittmi. Għalhekk naqbel max-xewqa espressa waqt il-konferenza tagħkom biex ikun hemm koordinament aħjar tal-politika mmirata lejn it-twaqqif it-tifrix tal-abbuż mid-droga u l-vizzji permezz tal-ħolqien ta’ networks ta’ solidarjetà ma’ dawk li qed isofru minn dan il-mard.

“Nirringrazzjakom għall-kontribut li tajtu f’dawn il-jiem ta’ studju u riflessjoni u nħeġġiġkom biex fis-setturi rispettivi tagħkom tibqgħu mpenjati li tgħinu lil dawk li ħarġu mill-isqaq tal-vizzju tad-droga u vizzji oħra. Dawn għandhom bżonn l-għajuna tagħkom biex takkumpanjawhom biex ikunu jistgħu jtaffu t-tbatija ta’ tant minn ħutna li jinsabu f’diffikulta”, temm jgħid Papa Franġisku.