“Il-Papa ddeterminat li jipproteġi lit-tfal mill-abbuż” – L-Arċisqof lit-Time Magazine

Il-Papa Franġisku jagħmel l-ewwel diskors tiegħu fiż-żjara fil-Marokk

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna tenna li l-Papa Franġisku huwa ddeterminat li jipproteġi lit-tfal mill-abbuż sesswali mill-kleru. Dan qalu permezz ta’ test fejn il-Papa Franġisku ġie mniżżel bħala wieħed mill-100 mexxejja l-aktar influwenzjali għall-2019 fuq Time Magazine.

Fl-artiklu, l-Arċisqof semma kif din is-sena l-Papa Franġisku indirizza lill-Knisja Kattolika kollha fuq it-traġedja tal-abbużi sesswali fuq il-minuri mill-kleru. Qal li sejjaħ għal laqgħa importanti bejn il-mexxejja tal-Knisja fi Frar għax jemmen li ż-żgħar għandhom jiġu protetti u li l-mexxejja Kattoliċi madwar id-dinja għandhom ikunu fuq l-istess paġna.

Mons. Scicluna tenna li l-Papa huwa determinat li jwaqqaf linji gwida u policies li bihom jiġu protetti t-tfal u persuni oħra vulnerabbli. Qal li wieħed ma għandux jintilef biss fuq is-sintomi, imma għandu jissielet sabiex isib il-qofol ta’ dan l-abbuż tal-kuxjenza u l-poter.

L-Arċisqof insista li f’moħħu u f’qalbu, il-Papa Franġisku jaf li l-abbuż ta’ dawn il-persuni innoċenti huwa abbuż tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu. B’kuraġġ u għerf, il-Papa Franġisku stieden lil dawk kolha fil-knisja sabiex javviċinaw lill-vittmi bl-istess reverenza li wieħed javviċina s-sufraġju tal-ġisem ta’ Kristu.

X’ġara fis-summit tal-Knisja Kattolika fi Frar li għadda?

Is-summit immexxi mill-Papa sar mill-21 sal-24 ta’ Frar. Mal-Arċisqof fil-Kumitat maħtur mill-Papa, kien hemm ukoll il-Kardinal Blase J. Cupich, Fr Federico Lombardi, Fr Hans Zollner u Sor Bernardette Reis.

Aqra: Filmat: ‘L-abbuż fuq il-minuri traġedja kbira; Bdejna naħdmu minnufih’ – l-Arċisqof

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Mons. Scicluna ddeskriva l-laqgħat li kellu mal-vittmi tal-abbuż kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta minħabba xogħlu, dawn ikunu mumenti ta’ sofferenza kbira. Spjega kif waqt is-summit kien hemm ukoll gruppi tal-vittmi li kienu fil-Vatikan b’uħud minnhom jagħmlu protesti fl-istess ħin li kien hemm il-laqgħat għaddejjin.

L-Arċisqof kien semma kif il-mexxejja ta’ dawn il-gruppi tawhom l-opportunità li jiltaqgħu magħhom. Sostna li f’dawn il-laqgħat bħal laqgħat l-oħra mal-vittmi wieħed jista’ jara l-istorja traġika u tal-biki kif ukoll l-effett tal-abbuż li jkunu ġarrbu li jwassal biex ikissirilhom id-dinjità tagħhom kif ukoll t-tamiet tagħhom filwaqt li f’każi oħra jwassal biex persuna titlef il-fidi tagħha.

Aqra: “Ma nistgħux nibqgħu siekta dwar l-abbużi” – L-Arċisqof

Dan kollu jmur lura għall-iskandli tal-abbużi sesswali li seħħew fiċ-Ċilì li xxukkjaw lid-dinja. L-iskandlu tal-abbużi sesswali fiċ-Ċilì kienu wasslu sabiex 34 isqof joffru r-riżenja tagħhom.

Aqra: Il-Papa jneħħi 2 kardinali akkużati bi skandli ta’ abbużi sesswali