Il-Papa b’messaġġ urġenti dwar it-tibdil fil-klima

Sentejn ilu l-komunità internazzjonali, wara dibattitu twil u kumpless, addottat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibsdil fil-Klima wara li ntlaħaq kunsens dwar il-bżonn li jkun hemm strateġija komuni biex ikun miġġieled il-fenomenu inkwetanti għall-umanità li hu t-tibdil fil-klima. 
Dak kien ftehim storiku.
Ir-rieda biex dan il-kunsens jitpoġġa fil-prattika dehret mill-għaġla li biha l-Ftehim ta’ Pariġi daħal fis-seħħ, anqas minn sena wara li kien addottat. 
F’messaġġ li l-Papa Franġisku bagħat lit-23 Sessjoni tal-Konferenza tal-Pajjiżi, li ffirmaw l-imsemmi ftehim li ltaqgħet f’Bonn ftit jiem ilu, qal li dan il-ftehim juri t-triq lejn mudell ta’ żvilupp ekonomiku li ma jittollerax emissjonijiet tal-faħam, jinkoraġixxi s-solidarjetà u jenfasizza r-rabta qawwija bejn il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-faqar.
Din it-tranżizzjoni hi aktar important mill-urġenza klimatika li titlob impenn akbar mill-pajjiżi li wħud minnhom għandhom jieħdu rwol ewlieni billi jżommu f’moħħhom il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli.
Il-Papa qal li l-Konferenza ta’ Bonn kellha twettaq fażi important oħra mill-Ftehim ta’ Pariġi: il-proċess li jkunu definiti u jinbnew linji gwida, regoli u mekkaniżmi istituzzjonali biex l-imsemmi ftehim ikun verament wieħed effettiv u kapaċi jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-iskopijiet tiegħu.
Dan jinħtieġ kooperazzjoni kbira bejn kulħadd.
Għalhekk il-Papa Franġisku reġa’ għamel sejħa urġenti għat-tiġdid tad-djalogu dwar kif se nibnu l-futur tal-pjaneta li ngħixu fiha. 
“Irridu nkunu magħquda għax l-isfida ambjentali li qed niffaċċjaw, u l-għeruq umani tagħha jolqtuna lkoll u jeffettwawna lkoll. Sfortunatament ħafna sforzi biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-kriżi ambjentali qed ikunu mfixkla għal diversi raġunijiet li jvarjaw minn indifferenza għan-nuqqas ta’ aċċettazzjoni li l-problema teżisti, għal rassenjazzjoni jew fiduċja għamja f’soluzzjonijiet tekniċi”, sostna l-Papa.
“Ejja ma naqgħux fin-nasba ta’ dawn l-attitudnijiet li ċertament ma jgħinux biex issir riċerka onesta u sinċiera u djalogu produttiv biex nibnu l-futur tad-dinja: iċ-ċaħda, l-indifferenza, ir-rassenzjani u t-tama f’soluzzjonijiet inadegwati,” appella Papa Franġisku.
Il-Papa qal li qed isir dejjem aktar meħtieġ li wieħed jagħti importanza lill-edukazzjoni u l-istili tal-ħajja.
Tajjeb li wieħed jiftakar li l-Ftehim ta’ Pariġi jsemmi “ir-responsabbiltà etika u morali li naħdmu bla dewmien, ħielsa kemm jista’ jkun mill-pressjonijiet politiċi u ekonomiċi u li nwarrbu interessi u l-imġiba partikolari”.