Awdjo: “Il-Papa bierek lil ommi fil-jum li ġabitni fid-dinja” – L-Arċisqof

F’għeluq sninu llum, l-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li kienet xi ħaġa sabiħa, li fil-jum li ġabitu fid-dinja, ommu rċeviet barka speċjali mill-Papa Franġisku.
Dalgħodu, Mons. Scicluna, li llum għalaq 59 sena, ikkonċelebra quddiesa mal-Papa Franġisku fil-Kappella Santa Marta fil-Vatikan.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċisqof stqarr li l-Papa Franġisku dejjem iselli għal ommu, u li din id-darba stedinha.  Qal li ħa l-opportunità u tela’ Ruma jum qabel hekk kif għada għandu ġurnata xogħol il-Vatikan.
Spjega kif għalkemm hi persuna ta’ ftit kliem, ommu kienet tidher kommossa u ferħana ħafna.
Mons. Scicluna fisser kif wara l-Quddiesa kellu l-opportunità li jitkellem ftit mal-Papa. Iddeskriva kliem Franġisku bħala wieħed amikevoli, fejn fost l-oħrajn awguralu għal għeluq sninu u tah ktieb bħala tifkira.
L-Arċisqof sostna li dan il-ktieb se jużah fil-laqgħat li jkollu mas-saċerdoti u anke fit-talb tiegħu.
Qal li l-Papa għandu f’qalbu mhux biss il-Knisja kollha imma anke lil Malta u Għawdex.
“Talabni darbtejn biex nitlob ħafna għalih”
Mons. Scicluna stqarr li fi ftit mumenti li kellhom flimkien, il-Papa talbu darbtejn biex jitlob ħafna għalih, hekk kif illum beda sensiela ta’ laqgħat mal-Isqfijiet Ċileni, b’rabta mal-allegati abbużi sesswali mill-kleru fil-pajjiż.
L-Arċisqof stieden lill-poplu Malti u Għawdxi biex jitlob għal Papa, biex Alla jiggwidah ikun ta’ servizz għall-għaqda fil-Knisja kif ukoll għall-verità u għall-ġustizzja.