Il-Papa bi stedina għalik biex tgħin lit-tarbija Charlie Gard

Il-Papa Franġisku qed jitlob għat-tarbija Charlie Gard u l-ġenituri tiegħu f’dan il-mument ta’ tbatija li qed jgħaddu minnu.
Dan qalu d-Direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikana Greg Burke. Huwa qal li l-Papa qed jistieden lill-pubbliku biex jingħaqad miegħu sabiex jitlob għal din il-familja ħalli jsibu konsulazzjoni f’Alla.
Ilbieraħ il-ġenituri ta’ Charlie Gard,  Chris Gard u Connie Yates marru l-Qorti biex jitolbu permess biex jieħdu lil binhom id-dar biex imut hemm u jkunu jistgħu jqattgħu l-aħħar mumenti mat-tifel.
Il-ġenituri tiegħu qalu li aktarx binhom ma jwassalx għall-ewwel birthday tiegħu fl-4 ta’ Awwissu. 
Fil-jiem li għaddew, il-ġenituri rtiraw uffiċjalment l-applikazzjoni biex binhom jirċievi kura esperimentali fl-Istati Uniti. 
Chris Gard u Connie Yates ħabbru d-deċiżjoni tagħhom hekk kif l-Imħallef Francis kien qed jipprepara biex jmexxi s-smigħ fl-aħħar stadji tal-battalja legali. Wieħed mill-avukati li kien qed jirrapreżenta lill-ġenituri tat-tarbija qal li t-tarbija “issa għaddielha ż-żmien”.Hu żied jgħid li huma ħadu din id-deċiżjoni iebsa wara l-aħbar mingħand tabib Amerikan li issa hu tard wisq biex it-tarbija tirċievi kura esperimentali.
Il-ġenituri riedu li jieħdu ‘l binhom għal kura esperimentali
Fil-jiem li għaddew, speċjalista Amerikan, Michio Hirano, professur tan-newroloġija fiċ-ċentru mediku tal-università ta’ Columbia, mar Londra fejn eżamina lil Charlie għall-ewwel darba u eżamina l-każ mat-tobba ta’ Great Ormond Street. Il-ġenituri talbu lill-Imħallef biex jagħti l-permess sabiex it-tifel, li għandu kundizzjoni ġenetika rari, jittieħed għal terapija ġdida bi prova fi New York. It-tobba ta’ Great Ormond Street qalu li t-terapija hija esperimentati u mhux se tgħin. Qed jgħidu li għandhom jintfew il-magni li qed iżommu t-tifel ħaj. Il-qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll iddeċidiet kontra x-xewqa tal-ġenituri ta’ Charlie. Id-direttur tal-isptar Great Ormond Street qalet li t-tobba u l-infermiera kienu suġġetti għal tgħajjir fit-toroq u rċever eluf ta’ messaġġi ta’ theddid fil-ġimgħat li għaddew. Qalet li l-isptar jinsab f’kuntatt mal-pulizija.