Aġġornata bl-Awdjo: Eluf jattendu għall-aħħar Anġelus tal-Papa Benedittu

Il-ġurnata tal-lum, il-Ħadd 24 ta’ Frar 2013, hi ġurnata li se tibqa’ imniżżla fl-istorja tal-Knisja Kattolika hekk kif għall-aħħar darba, il-Papa Benedittu XVI sellem lill-folla miġbura u rreċita l-Anġelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.

Fl-aħħar reċita tal-Anġelus il-Papa Benedittu qal li mhux se jabbanduna il-Knisja imma se jkompli jserviha. Huwa interpreta r-riżenja, fit-termini tal-Evanġelju tal-lum bħala r-risposta għas-sejħa ta’ Alla biex jitla’ il-muntanja. Għalaq billi qal li fit-talb ninsabu dejjem viċin xulxin.

Il-Papa għamel referenza għat-tema mistika tat-trasfigurazzjoni fl-isfond tal-kunċett tat-talb bħala xi ħaġa li għandha tkun konkreta u mhux astratta. Il-Papa jirreferi għall-figura tal-missier bħala punt ta’ riferiment f’mumenti ta’ kriżi.

Kemm aħna disposti li noffru ħajjitna għall-proxxmu. Il-Papa fl-appell lajk tiegħu saħaq fuq il-bżonn tas-solidarjetà u wassal il-messaġġ tal-bżonn ta’ azzjoni f’waqtha biex is-solidarjetà tkun istituzzjonalizzata.

Huwa sellem lil diversi djoċesani u istituzzjonijiet Kattoliċi, li kienu fost il-folla numeruża li kienet fi Pjazza San Pietru u rringrazzjahom għall-appoġġ.

L-Anġelus tal-lum qed jitqies bħala prova ġenerali għall-aħħar udjenza ġenerali tal-Papa ta’ nhar l-Erbgħa li ġej meta mistennija jipparteċipaw eluf ta’ persuni minn madwar id-dinja kollha.

Dan ikun l-aħħar impenn tal-Papa Benedittu XVI qabel ma’ jħalli l-kariga tiegħu u s-sedja tal-Vatikan fit-28 ta’ Frar biex ikompli l-missjoni fit-talb.

Fil-pjazza tal-Vatikan diġà bdew jintramaw l-istrutturi apposta għall-Konklavi, fosthom l-iscaffolding fejn il-ġurnalisti se jkunu jistgħu jirrappurtaw dak kollu li se jiġri sakemm jiġi deċiż min se jkun is-suċċessur tal-Papa Benedittu.

Ritratti: Fr Jonathan Farrugia