X’se jagħmel il-Papa fl-ewwel jum tiegħu fiċ-Ċili

Il-Papa Franġisku wasal f’Santiago fiċ-Ċili ftit qabel nofsillejl li għadda  wara vjaġġ ta’ 15-il siegħa minn Ruma, iżda fit-8.20 ta’ dal-għodu diġa’ beda bl-ewwel impenn tiegħu. Dan hu t-22 vjaġġ appostoliku barra mill-Italja.  Matul din iż-żjara, barra miċ-Ċili, l-Papa se jżur ukoll il-Peru.
Fiż-żewġ pajjiżi l-Papa se jżur sitt ibliet kbar fi ftit anqas minn ġimgħa. Il-bliet li se jżur huma Santiago, Temuco u Iqique fiċ-Ċili u fil-Peru se jkun fil-kapitali Lima, Puerto Maldonado u Trujillo.
Kif inhi d-drawwa minn fuq kull pajjiż li għadda waqt il-vjaġġ mill-Italja għaċ-Ċili, il-Papa Franġisku bagħat telegram lill-popli differenti.
L-ewwel telegram kien dak lill-President Taljan Sergio Mattarella fejn qallu li “Kif qed nitlaq minn Ruma lej iċ-Ċili u l-Peru biex nappoġġja l-ħidma tal-knejjes lokali, inħoss li hu mportanti li nibgħat l-awguri tiegħi lilek, Sur President u miegħu nżid l-isbaħ xewqat għall-ġid spiritwali, ċivili u soċjali lill-poplu Taljan li lilu nagħti l-Barka Appostolika tiegħi”.
Messaġġi simili intbagħtu f’lingwi differenti lil kull pajjiż li minn fuqu għadda l-ajruplan li fuqu qed jivjaġġja l-Papa mad-delegazzjoni tiegħu u numru ta’ ġurnalisti li qed jakkumpanjawh tul il-vjaġġ.
L-itinerarju tal-Papa Franġisku fl-ewwel jum tiegħu fiċ-Ċili se jarah jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Gvern, il-Korp Diplomatiku akkreditat għal dak il-pajjiż kif ukoll mas-soċjeta’ ċivili.
Hu se jagħmel ukoll żjara ta’ kortesija lill-President tal-pajjiż, fil-Palazz tiegħu La Moneda u fl-10.30 ta’ filgħodu jieħu sehem f’Ċelebrazzjoni Ewkaristika li se ssir f’park pubbliku.
Wara nofsinhar se jagħmel żjara f’ħabs tan-nisa f’Santiago u aktar tard għandu skedata laqgħa mas-saċerdoti, reliġjużi, seminaristi fil-Kattidral tal-kapitali. Din il-laqgħa mistennija ddum madwar siegħa u mmedjatament warajha l-Papa jiltaqa’ mal-Isqfijiet Ċileni fl-istess kattidral.
Il-ġurnata tal-lum tagħlaq bi żjara privata fis-Santwarju dedikat lil San Alberto Hurtado, qaddis Ġiżwita u wara laqgħa privata mal-patrijiet Ġiżwiti taċ-Ċile.  Il-Papa hu Ġiżwita u f’kull pajjiż li jżur dejjem jiltaqa’ ma’ sħabu membri tas-Soċjetà ta’ Ġesù.