Il-Papa beda bil-laqgħat fil-Myanmar

Fl-ewwel bidla fil-programm taż-żjara tiegħu fil-Myammar, il-Papa Franġisku minflok mar jistrieħ, kif kien ippjanat, iddeċieda li jilta’ mal-mexxejja militari tal-pajjiż.
Il-Papa wasal fil-Myammar ilbieraħ it-Tnejn, u skont il-programm oriġinali kellu jistrieħ bi tħejjija għal ġurnata impenjattiva li għandu llum it-Tlieta.
Iżda Franġisku għażel minflok li ftit wara li wasal fil-pajjiż jiltaqa' mal-mexxejja militari fil-palazz tal-l-Arċiveskovat ta’ Yangon.  
Il-Ġeneral Min Aung Hlaing mexxa għadd ta’ ufiċċjali f’din iż-żjara ta’ korteżija.
Il-militar tal-Myammar jikkontrolla tliet ministeri importanti ħafna fil-pajjiż li huma dawk tad-difiża, tal-intern u tal-kontroll tal-fruntieri.
Greg Burke, il-kelliemi tal-Vatikan, qal li tkellmu dwar il-responsabbiltà kbira li għandhom f’dan iż-żmien ta' tranżizzjoni fil-pajjiż.
Il-militar kieu responsabbli għall-attakki kontra l-poplu tar-Rohingya li n-Nazzjonijiet Magħquda sejħet dawn l-attakki bħala eżempju ta’ tindif etniku.
Illum il-Papa se jkollu ġurnata impejnjattiva ħafna. Huwa se jitlaq lejn Nay Pyi, il-kapitali l-ġdida tal-Myanmar.
Se jiltaqa’ mal-awtoritajiet tal-pajjiż, mas-soċjetà ċivili u mal-korp diplomatiku.  
Franġisku se jkollu wkoll laqgħa privata mal-President Htin Kyaw, kif ukoll mal-Kunsilliera tal-Istat u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Aung San Suu Kyi.
Il-Papa se jibqa’ fil-Myanmar sat-30 ta’ Novembru meta jitlaq lejn il-Bangladesh.
Huwa jirritorna Ruma nhar is-Sibt.