Filmat: L-isptar tal-Papa joffri li jieħu ħsieb Charlie Gard

L-isptar tal-Papa fil-Vatikan qed joffri li jieħu ħsieb Charlie Gard u b’hekk ikun evitat li l-isptar Great Ormond Street jitfi l-magni li qed iżommuh ħaj.
Aktar kmieni, il-Papa qal fuq Twitter: “Li tiddefendi l-ħajja umana, aktar u aktar meta midruba mill-mard, huwa impenn ta’ imħabba li Alla jafda ‘l kulħadd bih.”
L-isptar tat-tfal Bambino Gesù, magħruf bħala ‘L-isptar tal-Papa’ offra li jagħti kenn lit-tarbija ta’ għaxar xhur.
Il-President tal-isptar, Mariella Enoc qalet li l-każ hu wieħed urġenti ħafna u qed jiġu ċċekjati l-kundizzjonijiet biex it-tarbija tiġi trasferita għall-isptar tal-Vatikan.
Il-ġenituri tat-tarbija ġew imċaħħda l-permess legali li joħduh l-Istati Uniti għal trattament esperimentali għall-kundizzjoni ġenetika rari tiegħu.
Trump joffri li jgħin
Il-President Amerikan Donald Trump offra li jgħin biex ikun possibli għal Charlie Gard imur għat-trattament fl-Istati Uniti.
Il-mexxej Amerikan ta indikazzjoni li l-Papa Franġisku inkoraġġih jinvolvi ruħu.
Fuq Twitter qal, “Jekk nistgħu ngħinu lil Charlie Gard, kif jixtiequ l-ħbieb tagħna fir-Renju Unitu u l-Papa, inkunu kuntenti li nagħmlu dan.”
Fost għidut li għaddejja ħidma diplomatika f’isem it-tifel u l-ġenituri, il-Prim Ministru Ingliża Theresa May ma riditx tikkumenta fuq id-dikjarazzjoni ta’ Trump u qalet li l-każ hu sensittiv ħafna.
Il-Kap tal-Knisja Ortodossa fir-Russja, Metropolitan Hilarion qal li d-deċiżjoni tal-qorti li tinjora d-dritt ta’ ġenituri ta’ Charlie Gard hi waħda “mostruża” u turi “kriżi profonda fil-kunċett tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.”  
Filmat: UK News in Pictures