“Il-pantomima għadha importanti għax hi l-ewwel pass lejn it-teatru” – id-Dama

Alan Montanaro, li ħafna jafuh fl-irwol ċelebri tiegħu tad-dama fil-pantomimi tal-Milied, jemmen li l-pantomima tal-Milied hi importanti għax mill-esperjenza tiegħu tgħallem li ħafna drabi tkun l-ewwel pass ta’ dak li jkun biex jersaq lejn it-teatru, u b’hekk tiftaħlu orizzonti kulturali ġodda.
L-attur, kif ukoll kittieb ta’ diversi pantomimi sa mit-Tmeninijiet, hu magħruf għall-irwol li jinterpreta, dak tad-dama, figura ewlenija f’kull pantomima.
Ma’ Newsbook.com.mt Montanaro rrimarka li kien hemm bidla fil-kontenut meta l-pantomima ma baqgħetx issir fit-Teatru Manoel u mxiet għall-MFCC.
Isostni li mill-Manoel għall-MFCC l-pantomima Maltija nbidlet minn waħda li tixbah l-istil tradizzjonali Brittaniku ta’ żmien l-Ingliżi f’Malta, biex daħlu elementi oriġinali oħra.
Dik tradizzjonali, ikompli l-attur, bqgħet issir il-Manoel.
Fost l-oħrajn Montanaro jsemmi d-dama li jħobb jinterpreta hu, dama li tmur lil hinn minn dik bħal matrona tat-tradizzjoni, jiġifieri d-dama mbaċċa bil-wardiet tondi, xufftejha forma ta’ qalb. Żied jgħid li d-dama tiegħu tikxef ġarti sew minn saqajha, li lilu ġietu tajba għax inzerta raġel twil.
Enfasizza li d-dama li jħobb jippersonifika hu timmassimizza l-irwol tagħha li tinsinwa u titkellem b’doppju sens li jniggeż u li jasal biss għand l-adulti fit-teatru.
“Jekk ma ddaħħalx il-politika n-nies jikkummentawlek”
Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar is-suġġetti ewlenin tal-pantomima, u kif dawn evolvew maż-żmien.
Montanaro qal li l-pantomima minn dejjem kellha element kurrenti, b’dak li jkun qed jispikka fl-aħbarijiet jiġi ssatirizzat.
Allura ma jistax jonqos li l-politika tkun fiċ-ċentru. Qal li mill-esperjenza meta f’pantomima ma ddaħħlitx il-politika n-nies gergru, għalkemm gergru wkoll meta daħħlet iżżejjed, skonthom.
Irrimarka wkoll li f’dal-qasam hu daħħal suġġett ġdid fil-pantomima: il-Eurovision.
Montanaro semma li fil-kitbiet u l-preżentazzjonijiet tiegħu jħobb idaħħal it-tema tal-mużika, u bosta drabi jagħmilha tal-kantant jew kantanta Maltija li jkunu se jirrappreżentaw lill-pajjiż fil-Eurovision.
Flejjes fenomenali
Temm jitkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar il-baġit ta’ xi kumpaniji biex itellgħu pantomima.
Għalkemm qal li hu mhuwiex producer, allura ma jkunx jaf eżatt x’tirrikjedi finanzjarjament pantomima mill-bidu sal-aħħar, sema’ b’figuri għoljin ferm, anki minħabba elementi ġodda fil-pantomima.
Monatanaro tal-fehma li l-prezz tal-biljetti jogħla biex ikun jirrifletti n-nefqa.
Finalment, id-dama professjonali qal li għalissa se jieġu brejk fuq parir ta’ ommu, iżda lest biex sentejn oħra jtella’ produzzjoni oħra tal-pantomima, did-darba bit-tema ta’ Aladin.
Fost il-pantomimi ewlenin li wieħed jista’ jattendi f’daż-żminijiet hemm Frowzin mill-Kumpanija Teatru Rjal, Cindirella tal-MADC, Cleopatra u s-Sigriet Statali tal-Bronk Productions u Alice in Wonderland tal-Masquerad.
Aktar kmieni kien hemm il-produzzjoni Jien Nagħżel Cindirella fl-Aqwa Żmien ta’ Action Productions.
Fir-ritratt: Alan Montanaro fil-parti tad-dama f'waħda mill-produzzjonijiet