Il-pandemija “mument ta’ riġenerazzjoni” għall-Knisja – L-Isqof Grech

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex l-Isqof Mario Grech sejjaħ il-pandemija tal-coronavirus “mument ta’ riġenerazzjoni” għall-Knisja. Huwa ħeġġeġ lill-kappillani biex jużaw dan il-mument biex iwettqu bidliet bżonjużi fil-Knisja.

Dan kien parti mill-messaġġ tal-Isqof Grech lill-Kappillani lbieraħ, li bdieh bil-kliem, “Il-knejjes vojta jagħmlulek għafsa ta’ qalb! Imma x’inhu tassew vojt: il-knejjes jew aħna?”

Huwa spjega kif sema’ diversi lmenti mingħand presbiteri li qalu li jħossuhom diżorjentati issa li ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi ġew sospiżi. Xi lajċi ħassewhom mitlufin għax ma setgħux jieħdu sehem fil-quddiesa, u l-Isqof qal li l-fatt li ma setgħux imorru l-knisja għall-quddiesa kkundizzjona r-relazzjoni tagħhom m’Alla.

Permezz ta’ dawn il-ħsus fost il-lajċi, l-Isqof osserva li l-Knisja għadha waħda “klerikalizzata” fejn l-azzjoni pastorali essenzjalment għadha f’idejn il-presbiteru. Żied jgħid li donnu “għadna ma ntbaħniex li l-fidi tagħna ma tidentifikax ruħha mal-kult; hemm waqtiet fejn in-Nisrani jista’ jgħaddi mingħajr il-kult mingħajr ma jkun ixellef il-fedeltà tiegħu bħala dixxiplu ta’ Ġesù. Inħoss li għandi nagħmel din l-osservazzjoni għaliex il-pastorali tagħna hija pastorali madwar il-kult, speċifikament mal-kult tal-Ewkaristija. Fil-fatt, tneħħitilna l-quddiesa man-nies u dħalna fi kriżi. Agħar u agħar, meta l-istess liturġiji li għadna “ntellgħu” assolutament ma jiftehmux mill-Insara komuni. Biex tkompli tgħaxxaq, aktar ma tkun okkażjoni solenni, aktar nedhew f’kult taħt forom arkajċi li għalkemm jappella għall-ftit, forsi jpaxxi l-għajnejn u l-widnejn, imma mhux lir-ruħ. Kif jirrimarka xi ħadd, ‘għandna liturġija perfetta, imma liturġija Kostantinjana. Il-bniedem għandu bżonn il-komunità u aħna noffrulu l-ispettaklu.'”

“Mingħajr sagramenti ngħaddu, mingħajr Vanġelu mmutu”

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex wera l-fehma li jeħtieġ li dan iż-żmien jintuża biex issir il-“konverżjoni pastorali” li jitkellem dwarha l-Papa Franġisku. Qal li “inkunu nagħmlu suwiċidju jekk, meta tgħaddi l-pandemija, pastoralment nerġgħu nirritornaw għal dak li dejjem għamilna sal-lum.” Stqarr li hemm ekkleżjoloġija ġdida, teoloġija ġdida, u pastorali ġdida, u issa huwa l-waqt li jsir dan it-tiġdid.

B’dispjaċir, l-Isqof Grech innota li ħafna Kristjani għadhom sajmin mill-Vanġelu u “min ma jafx il-Vanġelu ma jafx lil Ġesù.” Issokta jgħid li “Mingħajr sagramenti nistgħu ngħaddu, imma mingħajr Vanġelu mmutu.” Sostna li mhuwiex biżżejjed li n-nies isegwu l-quddiesa virtwalment, jeħtieġ ukoll li jaqraw il-Vanġelu.

Ħaġa oħra li kixfet din il-pandemija, skont l-Isqof, hija li m’hawnx organizzazzjoni serja f’dak li għandu x’jaqsam mal-karità.

Għalhekk, huwa appella lill-Kappillani sabiex jużaw il-pandemija bħala “mument ta’ riġenerazzjoni.” Temm il-messaġġ tiegħu b’dan l-appell, “F’dawn il-ġimgħat kulħadd jisħaq fuq il-ħtieġa tas-sanitization biex ma nlaqqtux mard fatali. Dan it-tindif huwa meħtieġ ukoll pastoralment. Ikun aktar nobbli jekk din iż-żabra nagħmluha b’għażla konxja u ħielsa milli, għada pitgħada, forsi meta jkun tard wisq, ikunu ċ-ċirkustanzi li jobbligawna nagħmluha.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn