“Il-pandemija ma spiċċatx; nibqgħu nimxu mar-restrizzjonijiet” – Il-PM

robert-abela
Partit Laburista

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li għalkemm issa Malta għandha l-vaċċin, il-pandemija ma spiċċatx, u n-nies xorta waħda jridu jimxu mar-restrizzjonijiet sabiex dak li ntrebaħ f’10 xhur ma jintilifx f’sekonda.

Dan qalu l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela dalgħodu waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio.

Dalgħodu stess, huwa kien preżenti għall-ewwel tilqima tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Din l-ewwel tilqima ħaditha Rachel Grech, infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei.

Waqt l-intervista, Abela ġie mistoqsi x’fisser għalih il-mument li ra lill-ewwel persuna tieħu l-vaċċin, u hu qal li f’dak il-mument irrifletta fuq l-10 xhur ta’ ħidma bla waqfien minn meta tfaċċa l-ewwel każ tal-coronavirus f’Malta.

“Irnexxiet l-istrateġija li ħallejna lin-nies jgħixu qrib in-normalità”

Huwa elenka d-deċiżjonijiet ibsin li kellhom jittieħdu, inqas minn xahrejn wara li laħaq Prim Ministru, ewlenija fosthom id-deċiżjoni li jingħalaq l-ajruport sabiex titrażżan il-firxa tal-coronavirus. Sostna kif il-Gvern għamel li seta’ biex jipproteġi l-għajxien tan-nies u x-xogħlijiet, u dan jidher li ħadem billi m’hawnx persuni qiegħda, imma l-qgħad naqas saħansitra waqt il-pandemija.

Il-Prim Ministru semma kif b’paragun ma’ pajjiżi oħrajn, f’Malta n-nies tħallew jgħixu ħajja qrib in-normalità u din l-istrateġija rnexxiet. “Pajjiżna mhux mifni bi problema ta’ qgħad, bil-problema medika, mhux b’negozji falluti imma negozji li għadhom għaddejjin,” stqarr il-Prim Ministru, filwaqt li ddikjara li jrid li Malta tkun l-ewwel pajjiż li jirkupra ekonomikament.

Il-Prim Ministru semma wkoll kif emozzjona ruħu lbieraħ: meta wasal il-vaċċin, waqt l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fil-Caritas, u meta ra l-ġenerożità tal-Maltin fil-ġbir tal-flus tal-Istrina.

Huwa wera kburija bil-poplu Malti, li minkejja li kienet sena diffiċli, xorta waħda rnexxielu jiġbor mas-€6 miljun u nofs għan-nies fil-bżonn.