Il-pandemija ma ntemmitx u mhux se tintemm – Saħħa Pubblika

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika sostniet li importanti li kulħadd iżomm f’moħħu li l-pandemija ma ntemmitx u mhux se tintemm sakemm ikun hemm vaċċin disponibbli.

Dan qalitu fi stqarrija dwar il-miżuri u l-kundizzjonijiet rakkomandati b’rabta mal-coronavirus. Is-Sovrintendenza spjegat li s-sitwazzjoni tal-coronaviru f’Malta issa jidher li hija taħt kontroll fejn għal diversi ġranet ġew irrapurtati ftit jew ebda każijiet ġodda. Dan ippermetta t-tneħħija tal-biċċa l-kbira tal-miżuri preventivi fil-komunità, inkluż il-ftuħ gradwali tal-fruntieri tagħna għall-ivvjaġġar.

Madanakollu qalet li l-coronavirus għadu qed jiċċirkola fil-komunità, kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż. Sostniet li l-possibbiltajiet ta’ trażmissjoni minn persuna għal oħra mill-esponiment huma kumulattivi. Jiġifieri  iktar ma persuna tkun esposta fit-tul u mill-qrib, iktar iċ-ċans li l-persuna tiġi infettata.

Qalet li l-aħjar miżuri li ġew ipprovati li huma effettivi fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni tal-COVID-19 huma msejsa fuq il-prinċipji tas-saħħa pubblika tad-distanza soċjali,l-iġjene u l-ilbies tal-maskri/visors. Sostniet li għalkemm tneħħew il-biċċa l-kbira tal-miżuri, huwa ta’ importanza kbira li dawn it-tliet prinċipji sempliċi jkunu segwiti minn kulħadd biex jiġi żgurat li tinżamm l-istabbiltà tas-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta.

X’għandek tibqa’ tosserva?

  • Id-distanza fiżika/soċjali bejn persuna u oħra, jew gruppi ta’ persuni mhux mill-istess dar teħtieġ li tiġi rrispettata f’postijiet pubbliċi.
  • L-ilbies tal-maskri/visors. L-evidenza turi li l-ilbies tal-maskra jew tal-visors jipproteġi lin-nies mill-infezzjoni tal-COVID-19.
  • Il-miżuri ta’ iġjene u l-etikett respiratorja għandhom dejjem jiġu segwiti biex jiġi evitat li persuna tintlaqat jew ixxerred dan il-virus. Jibqa’ importanti l-ħasil spiss tal-idejn għal mill-inqas 20 sekonda bis-sapun u bl-ilma jew bl-alkoħol li jnaddaf (alkoħol minimu ta’ 70%).

Is-Sovrintendenza insistiet li bit-tneħħija ulterjuri tal-miżuri inkluż il-ftuħ għall-ivvjaġġar internazzjonali, l-osservanza ta’ dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni minn dawk kollha kkonċernati huma essenzjali biex Malta u l-pubbliku jibqa’ sigur mill-COVID-19.