Il-pandemija l-kbira jaf għadha ġejja – WHO

Read in English.

Esperti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) sostnew li għalkemm il-pandemija tal-coronavirus s’issa kienet severa, din mhix neċessarjament il-pandemija l-kbira li konna qed nistennew, u li d-dinja trid titgħallem tgħix bil-Covid-19.

Skont il-Kap Eżekuttiv tal-Istrateġija Teknika għal Periklu Infettiv fi ħdan il-WHO, il-Professur David Heymann, id-‘destin’ ta’ dan il-virus huwa li jsir endemiku, hekk kif il-vaċċini jibdew jitqassmu fl-Istati Uniti u fl-Ingilterra.

Huwa sostna li l-Covid-19 se jkompli jinfirex u jinbidel iktar kemm jinfirex, bħal erba’ tipi ta’ coronavirus oħra qablu. Għalhekk, skont Heymann, it-teħid tal-vaċċin, flimkien maż-żamma tal-iġjene pubblika, se jgħin lid-dinja tidra tgħix mat-tipi differenti ta’ Covid-19 li se jinbidlu iktar kemm dan ikompli jinfirex.

Il-Kap tal-Programm ta’ Emerġenza tal-WHO Dr Mark Ryan allega li l-pandemija li jmiss mistennija tkun severa iktar mill-Covid-19. Huwa qal li l-pandemija tal-Covid-19 kienet severa ħafna u laqtet b’mod aħrax kull rokna tad-dinja, imma sostna li din jaf mhix neċessarjament il-pandemija l-kbira li konna qed nantiċipaw u li din jaf għad trid tiġi.

Ryan qal li l-Covid-19 għandha sservina bħala twissija biex nitgħallmu u ntejjbu x-xjenza, loġistika, governanaza u kif nikkomunikaw aħjar.

Waqt aġġornament, ix-Xjentista Eżekuttiva tal-WHO Dr Soumya Swaminathan qalet li l-fatt li wieħed jieħu l-vaċċin kontra l-virus ma jfissirx li l-miżuri tas-saħħa pubblika, bħad-distanza soċjali, ma jibqgħux jiġu infurzati jew bżonnjużi.

Hija sostniet li l-ewwel irwol prinċipali tal-vaċċin huwa li jippreveni s-sintomi, mard sever u l-imwiet, u li għad irid jiġi studjat jekk il-vaċċin hux kapaċi