Il-pandemija għamlet aktar ħsara fuq l-edukazzjoni mill-Gwerra Dinjija – Kummissarju

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez qal li l-Edukazzjoni Maltija qatt ma affaċċjat it-tip ta’ problemi maħluqa mill-pandemija tal-coronavirus. Hu qal li s-sitwazzjoni hija ta’ skala wisq akbar minn dik tal-gwerra għax l-edukazzjoni tal-lum għahda aktar saffi u livelli u jinfirxu fuq snin twal, b’ħafna aktar studenti u għalliema mis-snin erbgħin.

Dan qalu fl-intervent tiegħu bħala Kummissarju Parlamentari fid-dokument tal-Ombudsplan għall-2021. Il-Kummissarju qal li x-xenarju tant qed jinbidel malajr li tasal biex tgħid li wieħed ikun arroganti jekk fejn jidħol it-tagħlim ifassal ‘pjan’. Insista li sa ftit xhur ilu ħadd ma kien se jbassar il-firxa u l-kumplessita tal-impatt tal-imxija.

Il-ftuħ tal-iskejjel avveniment kontroversjali

Il-Kummissarju ddeskriva l-ftuħ tal-iskejjel bħala avveniment kontroversjali. Qal li dan se joħloq ilmenti minn sezzjonijiet tal-pubbliku, għax il-poplu jidher maqsum u mifxul dwar dan.

Hu qal li qed jobsor li se jkun hemm ilmenti minn ġenituri li għandhom ulied vulnerabbli, li jkunu jridu jżommu l-uliedhom id-dar mingħajr ma jkunu ħatja ta’ ksur tal-liġi għall-attendenza obligatorja. Qal li qed jipprevedi wkoll li se jkun hemm ilmenti minn xi għalliema li jkunu suxxettibbli għal komplikazzjonijiet jekk jisfaw infettati u b’hekk iħossu li jkun inġust li ġġegħlhom jidħlu fil-klassijiet.

Insista li mill-banda l-oħra, il-Ministeru ma jistax iħalli klassijiet mingħajr għalliema, ladarba l-iskejjel ikunu fetħu. “In-numru ta’ għalliema li jbatu minn kundizzjonijiet mediċi li jrenduhom vulnerabbli m’huwiex magħruf, u żgur jisboq xi numru eżistenti li hu magħruf uffiċjalment. Hu previst li dan jista’ joħloq tilwim industrijali,” qal il-Kummissarju.

Irrimarka li jekk wieħed jieħu s-sena skolastika 2019-2020 bħala sena bażi, l-għeluq ħesrem f’din is-sena se jkollu effetti pjuttost qawwija fuq is-sena skolastika 2020-2021, u fuq ħafna snin wara.

“Żgur li ser ikun hemm ġenituri li jkunu jixtiequ li uliedhom jirrepetu sena, minħabba li jħossu li t-tfal tagħlmu ftit li xejn tul is-sena bażi. Mill-banda l-oħra, il-Ministeru x’aktarx m’huwiex ser jilqa’ dawn it-talbiet peress li wieħed jobsor li sejrin ikunu numerużi ħafna,” qal il-Kummissarju.

L-eżamijiet jistgħu joħolqu protesti

Il-Kummissarju kompla jgħid li l-eżamijiet jistgħu joħolqu protesti, peress li waqt li l-kontenut eżaminabbli ma jistax jinbidel għax dan jipperikola l-livell, ikun hemm studenti tal-ħames sena sekondarja, bħala eżempju, li jħossu li l-eżami għandu jkun ‘eħfef’ għaliex ir-raba’ sena sfat imħarbta.

Assedju għall-Kummissarju

Hu qal li dawn il-kundizzjonijiet ta’ ‘assedju’ se jiffaċċjaw lill-Kummissariju bi problemi serji meta se jiġi sabiex jagħżel bejn dak li hu ġust u dak li m’huwiex. “Għalkemm ikun jidher li persuna għandha raġun, per eżempju, il-Kummissarju ma’ jistax jikkastiga l-amministrazzjoni b’talbiet impossibbli, jew akkomodazzjonijiet individwali li fihom nfushom joħolqu inġustizzji ġodda,” irrimarka.

Sostna li t-tiftix seren tal-ħaqq se jieħu aktar żmien, u b’hekk ir-rata tal-għeluq tal-każi se tmajna.

L-Ombudsman jippreżenta l-Ombudsplan għall-2021 lill-Ispeaker tal-Kamra

L-Ombudsman Parlamentari, Anthony Mifsud ippreżenta l-Ombudsplan 2021 lill-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Fi stqarrija kien spjegat kif l-Ombudsplan għas-sena 2021 jorbot ma’ dak tas-sena l-oħra u jkompli ma’ dak li ntqal fir-Rapport Annwali 2019.

Fir-Rapport Annwali, l-Ombudsman kien esprima t-tama li t-taqlib soċjali li seħħ lejn l-aħħar tal-2019 jissarraf fi frott ta’ proġett estensiv ta’ bidla radikali li twassal biex il-pajjiż jakkwista mill-ġdid il-fiduċja, l-kredibilità u l-kredenzjali demokratiċi li kien igawdi qabel, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Fid-daħla għall-Ombudsplan, l-Ombudsman iddeskriva bħala raġġ ta’ dawl, il-konferma li l-Gvern kien realment intenzjonat li jwettaq din ir-riforma b’mod serju. Qal li kien effettiv li r-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni ta’ Venezja għat-titjib u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali fdati bit-tmexxija tal-pajjiż kienu qed jiġu aċċettati fil-prinċipju u kienu se jiġu attwati.

“Hu wkoll ta’ sodisfazzjon għall-Ombudsman li f’għeluq il-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tal-istituzzjoni, l-Parlament irregala lill-istituzzjoni għarfien kostituzzjonali akbar billi iggarantixxa mhux biss il-kariga tal-Ombudsman iżda wkoll il-funzjonijiet li huwa issa fdat mill-istess Kostituzzjoni li jesegwixxi fid-difiża taċ-ċittadin kontra l-amministrazzjoni ħażina.”