Il-pandemija għallmitna nagħmlu kont mal-biżgħat tagħna – L-Arċisqof

knisja.mt

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jekk hemm xi ħaġa li l-bniedem tgħallem mill-pandemija hija dik li jagħmel kont mal-biżgħat tiegħu stess. Dan qalu waqt il-Quddiesa mill-Knisja Parrokkjali tas-Salvatur f’Ħal Lija dalgħodu.

“Il-pandemija jekk għallmitna xi ħaġa, għallmitna nagħmlu kont mal-beżgħat tagħna. Illum is-Salvatur imissna fuq spallejna u jgħidilna taqtax qalbek, la tibżax,” irrimarka l-Arċisqof.

Hu tkellem dwar ir-rakkont tal-Bibbja ta’ meta Ġesù, flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni tela’ fuq il-muntanja Tabor. Spjega kif hawn, Ġesù kien għażel dawn it-tliet appostli biex jgħaddu minn esperjenza differenti. Qal li hawn beżgħu wara l-kliem li semgħu, imma hu taptpilhom fuq spallithom u qalilhom il-kliem “qumu la tibżgħux”.

Tkellem ukoll dwar il-kliem li kien iħobb jirrepeti San Ġorġ Preca: “Ġesù kun għalija Salvatur”. Appella biex kulħadd jirrepeti din it-talba, u jitlob lil Ġesù salvatur biex ikompli jfejjaq “u jeħlisna minn din il-burraxka.”

Spjega kif San Ġorġ Preca kien isejjaħ lil Ġesù bħala tabib. Qal li t-tabib jieħu ħsieb lill-bniedem u b’hekk għandna naċċetaw kull riċetta li jippreskrivi, għax nafu min hu.

L-Arċisqof semma rakkonti madwar id-dinja ta’ nies li jtemmu ħajjithom għax jibżgħu minn xi ċirkustanza li jsibu lilhom innifishom fiha. “Aħna x’risposta se jkollna? Niftakru fil-messa ħelwa ta’ Ġesù u fi kliemu: Qumu, la tibżgħux.”

Lejn tmiem l-omelija, l-Arċisqof irrefera wkoll għat-traġedja li seħħet f’Bejrut fil-Lebanon fl-aħħar jiem. Sostna li Bejrut sfat ħerba minħabba n-negliġenza tal-bnedmin. Hu talab sabiex il-qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom u dawk li tilfu djarhom isibu l-faraġ f’dan il-perjodu diffiċli.

L-Arċisqof kompla billi talab sabiex Ġesù Salvatur mhux biss ibierek lid-dinja u jeħlisha mill-pandemija, iżda jbierek ukoll lill-pajjiż u jgħallmu li hemm bżonn jaħdem għall-ġid. “Għamel li l-ħarsa tagħna fuqek illum iġġibilna sliem fil-qalb u s-saħħa fir-ruħ u l-ġisem,” temm jgħid l-Arċisqof.