Il-pandemija ġabitna f’sensina dwar kemm aħna vulnerabbli – KA

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) sostniet li din il-pandemija tal-coronavirus ġabet lill-poplu f’sensieh dwar kemm huwa vulnerabbli u dak li tassew għandu valur fil-ħajja.

Fi stqarrija, il-KA spjegat li din il-pandemija sabet lil ħafna pajjiżi mhux imħejjija għaliha, bir-riżultat li ħalliet impatti negattivi qawwija fuq l-ekonomija tagħhom, u ħolqot traġedja umana li ħasdet lid-dinja. Qalet li jalla li dan iservi ta’ twissija għal dak li nistgħu niffaċċjaw meta l-impatti tat-tibdil fil-klima, ikkawżati minn żvilupp li mhux sostenibbli, jibdew jinħassu aktar. Semmiet kif in-Nazzjonijiet Maqgħuda appellat lill-gvernijiet sabiex juru l-istess determinazzjoni, impenn u għaqda li ntweriet fil-ġlieda kontra l-pandemija, sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema tat-tibdil fil-klima.

Il-KA innutat diversi fatturi pożittivi li għexna waqt dan iż-żmien diffiċli: mumenti ta’ solidarjetà, ġenerożità, attenzjoni fuq min hu batut u sagrifiċċju personali għall-ġid tal-komunità. Qalet li fuq kollox jidher li l-pubbliku fehem li l-benesseri tiegħu ma jiddependix biss mill-ġid ekonomiku, u li dan mhux biżżejjed biex wieħed igawdi minn kwalità tajba tal-ħajja. Fl-istess ħin ikkundannat l-abbużi, f’perjodu hekk vulnerabbli, ta’ min għoġbu japprofitta ruħu jew ta’ min ried jibqa’ jaħseb għal rasu u jagħmel li jrid.

“Inkunu boloh jekk nerġgħu mmorru għal dak li konna mdorrijin fih qabel”

Il-KA insistiet li l-poplu jkun iblah jekk ikollu jerġa’ jmur lura għal dak li kien imdorri fih qabel, bħallikieku qatt ma kien xejn u ma tgħallem xejn minn din l-esperjenza. Il-KA temmen li jeħtieġ tissaħħaħ d-dixxiplina li ntweriet waqt l-imxija, biex kulħadd ikun jifilaħ jibqa’ fuq saqajh f’każ li jkollu jgħaddi minn esperjenza simili fil-ġejjieni.

Il-Kummissjoni qalet li temmen li bħalma l-Gvern mexa b’għaqal biex jikkontrolla l-firxa tal-pandemija, issa għandu jiżgura li strateġija  wara l-COVID-19 tkun soċjalment ġusta u sostenibbli, ħalli tiżgura li ħadd ma jbati minn tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja sabiex b’hekk ma jintilfux il-passi li saru ’l quddiem f’dan iż-żmien diffiċli. “Din l-istrateġija jeħtieġ tipprovdi, l-ewwel u qabel kollox, sostenn ekonomiku direttament lill-komunità (speċjalment lill-persuni li ntlaqtu ħażin bil-kriżi), u mhux lil dawk l-industrji li bil-prattiċi mhux sostenibbli tagħhom, qed inaqqsu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Dan ifisser li kwalunkwe pakkett ġdid ta’ stimolu għal żvilupp ekonomiku għandu jkun marbut ma’ kundizzjoni li l-iżvilupp li jsir ikun wieħed sostenibbli u konsistenti mal-pjan tal-Unjoni Ewropea magħruf bħala l-European Green Deal,” insistiet il-KA.

Appellat biex proposti ta’ proġetti infrastrutturali li mhumiex sostenibbi u li huma maħsuba biss biex jistimolaw b’mod immedjat l-ekonomija, għandhom ikunu mgħarbla bir-reqqa qabel ma jkun hemm deċiżjoni dwarhom. “Il-fatt li fi ftit ġimgħat rajna titjib fil-kwalità tal-arja f’pajjiżna jiftħilna għajnejna għall-urġenza li minn ekonomija li tisfrutta b’mod xejn għaqli r-riżorsi naturali, ngħaddu għal waħda li tassew tagħti każ tal-patrimonju naturali u urban,” qalet il-Kummissjoni.

Intant sostniet li tittama li l-awtoritajiet ikomplu jinvestu f’dan il-kapital ambjentali, kulturali u uman tal-pajjiż, u temmen li l-pożizzjoni tal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, li jappoġġa “ippjanar intelliġenti li joħloq il-ġid mingħajr ma jissagrifika l-ambjent, sabiex inkunu nistgħu noħorġu b’saħħitna u b’suċċess minn din il-kriżi” huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn