Il-pandemija fiċ-ċentru ta’ dibattitu jaħraq bejn Trump u Biden

Credit CDENews

Read in English.

Il-kandidat Demokratiku għall-elezzjoni Presidenzjali Joe Biden kellu kliem iebes fil-konfront tal-President Amerikan Donald Trump dwar it-tmexxija tal-Gvern tiegħu fis-sitwazzjoni tal-coronavirus waqt l-aħħar dibattitu qabel l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru. 

Min-naħa tiegħu Trump għamel akkużi ta’ korruzzjoni fuq Biden u l-familja tiegħu liema allegazzjonijiet ġew deskritti bla bażi minn mezzi tax-xandir Amerikani. Madankollu, Trump adotta ton aktar kalm mill-ewwel dibattitu f’Settembru fejn kien interrompa kontinwament lill-aversarju tiegħu. Xorta waħda, id-diskussjoni kienet waħda mimlija attakki personali u ftit li xejn intwera rispett lejn xulxin.

L-isfida, li saret f’Nashville, Tennessee, irrappreżentat waħda mill-aħħar opportunitajiet għal Trump biex idawwar id-diskussjoni minn fuq il-pandemija, b’din tal-aħħar twassal għal mewt ta’ aktar minn 221,000 persuna fil-pajjiż. Serje ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika juru lil Biden b’vantaġġ, iżda ż-żewġ kandidati huma qrib xulxin f’numru ta’ stati li aktarx iħollu u jorbtu fejn sejra l-elezzjoni.

“Persuna li hu responsabbli għal tant imwiet ma jistħoqqilhiex tkun President tal-Istati Uniti”, sostna Biden. Min-naħa tiegħu Trump iddefenda l-istrateġija tal-Gvern filwaqt li sostna li l-agħar tal-pandemija għadda. “Bdejna nduru l-kantuniera”, sostna Trump, li kompla jxejjen il-vajrus: “Dan qed jispiċċa.”

Trump sostna wkoll li l-vaċċin kien “ġimgħat” ‘il bogħod, minkejja li bosta esperti, fosthom uffiċjali tal-istess amministrazzjoni jgħidu li realistikament dan ma kienx se jkun disponibbli b’mod wiesa’ qabel nofs l-2021. Numru ta’ stati Amerikani, fosthom fl-Ohio, irreġistraw żieda rekord fuq jum wieħed.

Wara d-diskussjoni fuq il-pandemija, id-dibattitu Presidenzjali kellu numru ta’ skambji dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali taż-żewġ kandidati. Trump irrepeta akkużi li Biden u ibnu Hunter kienu involuti f’prattiċi mhux etiċi fiċ-Ċina u l-Ukrajna, prattiċi li dwarhom ebda evidenza qatt ma ġiet ikkonfermata u li Biden ddefinihom bħala foloz u skreditati.

Biden sostna li din kienet strateġija biex Trump idawwar l-attenzjoni minn fuqu u kwota artiklu tan-New York Times li wera li fl-aħħar 20 sena l-President ma ħallas kważi l-ebda taxxa federali. “Ippubblika d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħek jew ieqaf tkellem dwar il-korruzzjoni” sostna Biden.

Trump kompla jinsisti li ħallas il-miljuni, iżda ħoloq preċedent meta baqa’ jirrifjuta li jippubblika dawn id-dikjarazzjonijiet, u wiegħed li jagħmel hekk wara li dawn jiġu awditjati.

Temi oħra li kienu diskussi inkludew il-kura tas-saħħa, il-politika dwar iċ-Ċina u l-protesti kontra r-razziżmu, b’Biden jiddeskrivi lil Trump bħala “wieħed mill-aktar President razzist” fl-istorja. 

Fost numru ta’ wegħdi, Trump insista li kellu l-pjan li jsaħħaħ is-sistema tas-saħħa tal-pajjiż.

Hu stmat li dan id-dibattitu rawh tal-inqas 73 milun persuna. 47 miljun Amerikan diġà vvutaw fl-elezzjoni, rekord assolut u ftit huma dawk li għadhom indeċiżi.