Il-pandemija COVID-19 teħtieġ aktar koordinazzjoni – Zrinzo Azzopardi

Waqt laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fi Brussell, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Stefan Zrinzo Azzopardi ħeġġeġ lill-Istati membri Ewropej biex fid-dawl tal-pandemija Covid-19, ma jiħdux azzjonijiet unilaterali. Huwa saħaq li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bħala grupp u b’hekk jiġi assigurat li qed jkunu mħarsa l-interessi ta’ kull pajjiż, inklużi ta’ Malta. Il-laqgħa saret bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew Straordinarju li għandu jiltaqa’ fi Brussell il-ġimgħa d-dieħla.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li l-Istati membri għandhom jiftiehmu dwar l-indikaturi komuni li jagħtu stampa oġġettiva tal-qagħda tal-imxija tal-Covid-19 f’kull stat membru. Dan fid-dawl tal-isfidi li l-Ewropa ħabbtet wiċċha magħhom waqt li l-pajjiżi kienu magħluqin f’lockdowns, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-moviment ħieles tal-prodotti u tas-servizzi. Dawn l-isfidi nħassu partikularment fix-xiri ta’ apparat mediku.

COVID-19 ħarġet fil-beraħ u saħansitra ggravat in-nuqqasijiet li kienu jeżistu fit-tħaddim tas-suq waħdieni Ewropew. Is-segretarju parlamentari semma li wara tletin sena, is-suq waħdieni għadu mhux komplut u għadhom jeżistu ostakli għall-kummerċ bejn l-istati membri. Dr Zrinzo Azzopardi żied jgħid li qabel diskussjoni fuq awtonomija strateġika għas-suq waħdieni, l-Unjoni Ewropea jeħtieġilha tanalizza u tħares lejn il-futur b’mod strateġiku billi ssib il-bilanċ bejn il-ftuħ tal-fruntieri għall-kummerċ u l-interdipendenza bis-sigurtà u bis-sovranità ta’ kull stat membru.