Il-Panama Papers juru li għall-kriminali l-flus moħbija huma aktar importanti mill-ħajja umana – Werner Langen

Iċ-Ċerpersin tal-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew Werner Langen qal li mill-investigazzjonijiet li saru b’rabta mal-iskandlu tal-Panama Papers, il-membri tal-kumitat tgħallmu li xi kriminali li jittrasferixxu l-biljuni madwar id-dinja jpoġġu aktar valur fil-ħabi tal-flus tagħhom milli valur fil-ħajja umana.
F’artiklu fuq is-sit CyprusMail, Langen qal li l-assassinju brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvela r-realtà iebsa li ġurnalisti investigattivi jridu jgħixu biex jikxfu każijiet ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni. “Jidher li hemm bżonn kuraġġ, impenn, u persistenza biex dawk il-prattiċi jinkixfu u jiġu żvelati fil-pubbliku” sostna Langen.
F’Novembru, il-Kumitat PANA kien irrimarka li Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea (UE) li kellha ministru msemmi fil-Panama Papers, Konrad Mizzi. Għat-tieni darba, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri ma deherx quddiem delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta dan ix-xahar biex tinvestiga allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus, wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
“Minħabba pressjoni politika, il-Pulizija ma tinvestigax”
Iċ-Ċerpersin qal li huwa xokkanti li ċertu pajjiżi jippreferu jġeddu n-negozji ma’ dawk li jaħslu l-flus, li jevadu t-taxxa, politiċi korrotti u kriminali, milli jwaqqfu dawn il-prattiċi.
Fi kliem iċ-ċerpersin, numru minn dawn il-pajjiżi għandhom il-liġijiet tagħhom f’konforma mal-liġi internazzjonali, iżda b’xi mod dejjem isibu mezz kif jevitaw milli jgħinu f’investigazzjonijiet internazzjonali.
Qal ukoll li f’ċertu każijiet, għalkemm ikun hemm sinjali ta’ korruzzjoni, minħabba pressjoni politika, ma jsirux investigazzjonijiet mill-Pulizija.
Il-whistleblower tal-Bank Pilatus titkellem mal-MPEs
Illejla għall-ħabta tas-6pm, il-whistleblower tal-Bank Pilatus Maria Efimova mistennija tixhed quddiem il-grupp tal-Membri tal-Parlament Ewropew li ġew Malta biex jinvestigaw ir-rispett għal-liġi fil-pajjiż.
Efimova se tkun qed titkellem mal-MPEs permezz tal-video conferencing. Riċentament, Maria Efimova qalet ma’ The Times ta’ Londra li jekk tiġi Malta ma ddumx ħajja.