“Il-Panama Papers irrelevanti fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne”

L-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes fi Tweet qalet li hi qalet li sabitha stramba li fir-risposta tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud qal li d-dokument tal-Panama Papers rah spettur ieħor u iqisu bħala rrelevanti fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Gomes saqsiet lill-Ispettur Keith Arnaud dwar x’inhu l-ġudizzju tiegħu dwar il-file tal-Panama Papers li għadda mill-Ġermanja għal Malta.

Hi kienet qed tikkummenta dwar rapport li deher f’The Independent on Sunday li jgħid li l-Ewroparlamentari saqsiet lill-Ispettur dwar il-laptop tal-ġurnalista u rigward l-aċċess għal għall-Panama Papers waqt laqgħa li saret fil-magħluq l-Erbgħa li għadda. Hi saħqet li din l-informazzjoni kienet żbaljata hekk kif hi saqsiet lil Arnaud fuq id-dokument tal-Panama Papers.

Gomes kompliet issaqsi kif wieħed jista’ jqis din l-informazzjoni mhux relevanti fit-tfittxija għal min ordna l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Saqsiet ukoll kif wieħed li qed jinvestiga l-assassinju mhux entusjast dwar l-aċċess għal din l-informazzjoni.

Caruana Galizia kienet żvelat li t-tielet kumpanija fil-Panama hi tal-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat, liema allegazzjonijiet ġew miċħuda mill-familja Muscat.