Il-Palestinjani esklużi mill-programm Iżraeljan ta’ tilqim kontra l-Covid-19

Ritratt: Pexels

Read in English.

Filwaqt li f’Iżrael beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19 b’ritmu pjuttost mgħaġġel, bi 12% tal-popolazzjoni diġà tinsab imlaqqma, mhuwiex jiġri l-istess fix-Xatt tal-Punent u f’Gaża.

Iżrael beda jlaqqam lill-pubbliku fid-19 ta’ Diċembru fejn qegħdin jiġu mlaqqma madwar 150,000 persuna kuljum. Qiegħda tingħata prijorità lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 sena, ħaddiema fil-qasam mediku u dawk li huma kkunsidrati vulnerabbli.

Id-Direttur Ġenerali tal-Ministeru għas-Saħħa Palestinjan, Ali Abed Rabbo, qal li l-ewwel konsenja tal-vaċċin għandha tasal fil-pajjiż fi Frar. Dan il-vaċċin se jkun frott il-ħidma konġunta bejn il-Koalizzjoni għall-Innovazzjoni fil-Preparazzjoni f’Epidemija (CEPI), l-Alleanza tal-Vaċċin (GAVI) u l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO).

Il-Kap tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa f’Ġerusalemm, Gerald Rockenschaub, qal li d-distribuzzjoni tal-vaċċin fuq l-iskema Covax fil-Palestina mistenni jsir bejn il-bidu u nofs l-2021.

Il-bqija tad-dożi mistennija li jaslu wara li jsir ftehim ma’ kumpaniji farmaċewtiċi.