Il-Palestina titlob lill-Vatikan isemma leħnu aktar dwar Ġerusalemm

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Palestinjan, Ryadh al Maliki, kellu laqgħa ma’ uffiċjali tas-Segretarjat tal-Vatikan u talab lis-Santa Sede biex iżżid leħinha fid-difiża ta’ l-Istatus Quo ta’ Ġerusalemm.
“Importanti li wieħed jifhem li s-sitwazzjoni ta’ Ġerusalemm tolqot ukoll lill-Insara. Nixtiequ li s-Santa Sede tmexxi konferenza għall-Insara fil-Lvant Nofsani biex isemmgħu leħinhom”, qal il-Ministru.
Maliki ltaqa’ mal-Kardinal Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, u mal-Arċisqof Paul Richard Gallagher, li hu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Wara l-laqgħa l-Ministru qal li din serviet biex intefa’ dawl fuq l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-President Donald Trump li jagħraf lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael u se jittrasferixxi l-Ambaxxata Amerikan għal din il-belt.
Il-Ministru Palestinjan qal li d-deċiżjonii ta’ Trump se jkollha l-effet li Ġerusalemm ikun marbut biss mal-Lhud u twarrab ir-rabtiet li l-belt għandha kemm mal-Kristjani kif ukoll mal-Musulmani. 
Dan se jfixkel ukoll it-taħditiet għall-paċi bejn Iżrael u l-Palestina għax b’hekk il-kwestjoni ta’ Ġerusalemm se titneħħa minn fuq l-aġenda.
Hu kompla li l-Palestinjani jridu jżomm l-kunflitt fuq livell politiku filwaqt li d-deċiżjoni ta’ Trump qed tpoġġih fuq livell reliġjuż.
Ġerusalemm hi importanti għar-reliġjonijiet kollha li jagħrfu lilhom infushom f’din il-belt.
Fil-laqgħa ż-żewġ naħat esprimew tħassib dwar is-sitwazzjoni u t-tnejn qablu illi l-Istatus Quo ta’ Ġerusalemm għandu jkun irrispettat u li l-futur tal-belt għandu jkun innegozjat u mhux impost.
Is-Santa Sede tkellmet kemm-il darba dwar din il-kwestjoni, inkluż b’dikjarazzjonijiet tal-Papa Franġisku nnifsu. 
Il-Ministru Al Maliki qal li filwaqt li l-Istat Palestinjan japprezza l-isforzi tas-Santa Sede f’din il-kwestjoni, jixieqha tagħmel aktar.
B’hekk tkun qed tagħti sinjal lill-Insara fl-Art Imqaddsa li bħalissa jħossuhom abbandunati u taħt pressjoni.