Il-Palazz tal-Arċisqof jerġa’ jiftaħ il-bibien

Il-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta nhar is-Sibt li ġej ser jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku, waqt is-serata tan-Notte Bianca.
In-nies li jżuru l-palazz se jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom iċ-ċisterni u l-għerien ta’ taħt il-Palazz, li fihom nixxiegħa ta’ ilma ġieri li ilu jgħaddej sa minn qabel ma nbniet il-Belt Valletta.
Il-pubbliku ser ikun jista’ jgawdi wkoll il-ġnien tal-Palazz, mimli siġar taċ-ċitru u b’funtana tas-Seklu Sbatax.
Nhar is-Sibt ukoll ser jinfetħu l-kmamar kollha tal-piano nobile, fejn hemm kollezzjonijiet ta’ pitturi, skulturi u arti dekorattiva.
Il-Palazz tal-Arċisqof inbena bejn l-1622 u l-1631 u għal kważi erba’ sekli serva bħala residenza tal-Isqof, b’Monsinjur Mikiel Gonzi bħala l-aħħar Arċisqof li għex fih.
Il-Palazz ser ikun miftuħ mis-7:00 p.m. sa nofsillejl u l-prezz tad-dħul huwa b’xejn.