AWDJO: Il-pakkett finanzjaru tal-UE raġuni oħra biex Malta tħares ‘il quddiem b’ottimiżmu – Dr Lawrence Gonzi

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-pakkett finanzjarju li Malta għadha kif irċeviet mill-baġit tal-Unjoni Ewropea huwa raġuni oħra għaliex Malta trid tħares ‘il quddiem b’ottimiżmu.

Waqt programm fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Dr Gonzi qal li waqt li kien Brussell, huwa għamel dak kollu possibli biex iġib l-aħjar pakkett għal Malta. Huwa spjega kif irrifjuta l-ewwel offerta li għamlet l-Unjoni Ewopea lil Malta u żamm il-laqgħa għaddejja sakemm l-Unjoni Ewropea offriet pakkett finanzjarju aħjar.
Semma dwar kif fl-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu li ġej il-poplu se jiddeċiedi f’idejn min se jafda l-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi.

Tkellem dwar kif il-fondi li Malta kisbet mill-UE fl-aħħar snin li qal fost l-oħrajn marru fis-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni universitarja, fl-iskejjel u fil-biedja. Dr Lawrence Gonzi spjega li l-kategorija ta’ Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea m’għadiex dik ta’ Objective 1 iżda issa saret ta’ Transition Country grazzi għal progress li kisbet.

Il-Prim Ministru temm jgħid li negozjati bħal dawn jitolbu għaqal u persważjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li wera fl-aħħar snin il-Partit Laburista.