Il-pajp tad-drenaġġ tneħħa; il-Kunsill iwieġeb lir-residenta

Wara li filmat ta’ pajp jarmi d-drenaġġ fil-baħar fil-Kalkara ġie mxerred mill-midja lokali, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara qal li dan il-pajp tneħħa.

Dan tħabbar f’imejl mibgħut lill-persuna li għamlet ir-rapport lill-Kunsill.

Fl-imejl il-Kunsill spjega li kien il-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield li kkonferma li x-xogħol sar.

Il-Kunsill saħaq ukoll li l-awtoritajiet ikkonċernati ġew involuti fl-ittestjar tad-drenaġġ li kien qed jintrema.

Fil-filmat li ttieħed fl-4 ta’ Awwissu, wieħed seta’ jara kif pajp li minnu kien ħiereġ id-drenaġġ ħammeġ il-blat u rabba ħafna dud. Il-persuna li għamlet ir-rapport qalet li kienet ilha snin twal tirrapporta l-każ, madanakollu l-karba dejjem waqgħet fuq widnejn torox.

Dan kien il-filmat li xerrdet il-persuna li rrappurtat il-każ.