Il-pajjiżi żviluppati għandhom iwieġbu għall-kriżi fit-tibdil fil-klima

Numru ta' għaqdiet ambjentali jinsabu mħassba dwar in-nuqqas ta' azzjoni konkreta dwar it-tibdil fil-klima lejliet il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f'Pariġi nhar it-Tnejn li ġej.
Id-direttur ta' Friends of the Earth Malta, Martin Galea De Giovanni qal fi stqarrija konġunta u ffirmata minn 26 għaqda ambjentali lokali, li hemm bżonn ta' pressjoni mis-soċjetà ċivili u wieħed ma jistax jibqa' jiddependi biss fuq is-sens ta' rieda tajba mill-gvernijiet biex insalvaw id-dinja.
Fl-istqarrija ntqal li miljuni ta' nies minn pajjiżi foqra diġà qed iħallsu qares għan-nuqqas ta' azzjoni konkreta mill-gvernijiet ta' pajjiżi sinjuri dwar il-kriżi fit-tibdil fil-klima.
L-iktar pajjiżi sinjuri fid-dinja, huma l-iżjed responsabbli għat-tibdil fil-klima kawża tat-tniġġiż li nħoloq tul is-snin bl-iskuża tal-progress.
L-għaqdiet ambjentali ħeġġew il-mexxejja tal-pajjiżi żviluppati sabiex isibu soluzzjoni għat-tnaqqis fit-tniġġiż tal-atmosfera biex b'hekk tiġi salvagwardjata l-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri.